Aġġornata: Mill-inqas 30 jinqatlu f’attakk f’università fil-Pakistan

Aġġornata f'12:00h:
Il-vittmi ta’ attakk f’università telgħu għal mill-inqas 30, bin-numru mistenni jkompli jiżdied hekk kif il-midruba huma diversi.
L-attakk seħħ minn irġiel armati li daħlu fl-università u bdew jisparaw fuq kull min ġie quddiemhom.
Is-suldati Pakistani wieġbu u qatlu mill-inqas erba’ attakkanti li fuqhom kellhom ukoll ċinturini bl-isplussiv.
Għal xi ħin, militanti qrib it-Taliban ħadu responsabiltà tal-attakk imma mbagħad irtiraw id-dikjarazzjoni.
F’Diċembru tal-2014, militanti oħra fil-Pakistan daħlu armati fuq skola u qatlu iktar minn 130 tifel u tifla
Iktar kmieni:
Forzi tas-sigurtà qed jiġġieldu kontra l-militanti f'università f'Charsadda fil-Pakistan, fejn s’issa ġie rrappurtat li nqatlu 19-il persuna.
Skont sorsi internazzjonali, it-terroristi jinsabu fit-tieni u t-tielet sular tal-kampus tal-Università ta’ Bacha Khan.
Filwaqt li xi studenti ġew salvati, tlieta jinsabu midruba.
Jidher li t-terroristi daħlu fl-università għall-ħabta tad-9.30am.
Dan l-attakk seħħ wara li fil-jiem li għaddew, skejjel f’Peshawar nagħlqu mill-awtoritajiet minħabba rapporti li xi militanti kienu qed jippjanaw attakk.