5 itfal jinstabu mejta f’appartament fil-Ġermanja

Ħamest itfal instabu mejta f’appartament privat fi blokka ta’ appartamenti fil-Ġermanja. Il-Pulizija qalet li l-uffiċjali tal-emerġenza ssejħu fuq il-post illum waranofsinhar.


Skont rapporti, il-ħamest itfal, tlett ibniet u żewġ subien, kellhom bejn sena u tmien snin. Is-sitt tifel, li għandu 11-il sena, qed ikun rappurtat li rnexxielu jsalva.

Fi stqarrija l-Pulizija Ġermaniża qalet li l-kawża tal-imwiet għadha mhix magħrufa sa issa, madanakollu skont rapporti omm it-tfal qed tkun meqjusa bħala s-suspettat ewlieni f’dan l-istadju tal-investigazzjoni.

In-nanna tat-tfal ikkuntattjat is-servizzi tal-emerġenza wara li sabet lit-tfal mejta fl-appartament. Il-Pulizija qalet ukol li omm it-tfal, li għandha 27 sena, ippruvat taqbeż quddiem ferrovija f’Dusseldorf aktar kmieni wara nofsinhar u issa qed tinżamm mill-Pulizija biex twieġeb mistoqsijiet dwar il-mewt tat-tfal tagħha.