5 ħaddiema tal-ħabs pożittivi għall-coronavirus

Kordin-Correctional-Facility-5
Miguela Xuereb

Read in English.

Ħames ħaddiema tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin instabu pożittivi għall-coronavirus u qed ifiqu d-dar f’iżolament.

Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Ministeru għall-Intern, li qalet li sal-lum saru 600 swab test fuq ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u priġunieri.

Kompliet tispjega li l-uffiċjali u l-priġunieri huma mitluba jilbsu maskra l-ħin kollu u li ż-żjarat fil-ħabs qed isiru minn wara l-perspex. Il-priġunieri għadhom qed jiġu mħeġġa li jżommu kuntatt mal-qraba tagħhom permezz ta’ Skype.

Bħalissa l-uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jaħdmu skont ix-xift, abbażi ta’ deċiżjoni li ttieħdet b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Fl-ewwel xhur tal-pandemija tal-Covid-19 f’Malta, il-Ministeru għall-Intern qal ma’ Newsbook.com.mt li għal disa’ ġimgħat sħaħ, l-uffiċjali korrettivi kienu qed jaħdmu shift ta’ ġimgħa sħiħa u kienu qed jgħixu fil-Faċilità Korrettiva. Kien minħabba dan, li t-tmexxija tal-faċilità organizzat BBQ fi tmiem il-ġimgħa, biex “l-uffiċjali jkollhom ftit ħin ta’ mistrieħ wara ġimgħa xogħol ta’ kważi 24 siegħa kuljum”. Il-Ministeru qal li waqt dawn il-BBQs kull uffiċjal kien intitolat għal drink alkoħoliku wieħed.

Madanakollu Newsbook.com.mt huwa infurmat li saru BBQs u discos li damu sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, li ġie servut xorb alkoħoliku fi kwantitajiet mhux żgħar, u li ġie sparat nar mingħajr il-permess tal-Pulizija jew polza tal-assigurazzjoni.