Iwieġbu ħatja u jinżammu arrestati l-5 persuni li ppruvaw jisirqu minn ħanut f’Għawdex

Aġġornata 6.30pm
Fil-Qorti ta' Għawdex dehru ħames persuni li allegatament wetttqu attentat ta' serqa minn ħanut tal-madum fir-Rabat Għawdex. Huma dehru quddiem il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri. L-awla kienet ippakkjata bil-qraba tal-imputati. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Arthur Mercieca u Bernard Spiteri.
Is-sentenza se tingħata fis-17 ta' Ottubru
Is-sentenza tal-ħames akkużati se tingħata fis-17 ta' Ottubru. L-akkużati se jinżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Il-Qorti tiċħad it-talba għal-libertà proviżorja
Il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri ma laqgħetx it-talba għal-libertà proviżorja minħabba l-gravità tal-każ u minħabba l-biża' mqajma mill-Prosekuzzjoni.
Talba għal-libertà proviżorja
Id-difiża talbet biex l-akkużati jingħataw il-libertà proviżorja, madanakollu l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-possibilta' li tinħass il-ħtieġa ta' xhieda. 
L-akkużati kollha jwieġbu ħatja
Il-ħamest irġiel akkużati bl-attentat ta' serqa f'Għawdex wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
L-akkużati u l-akkużi
L-akkużati huma kollha rġiel, tlieta minnhom membri tal-Forzi Armati ta' Malta. Tlieta mill-akkużati huma mill-Ħamrun u għandhom 21, 32 u 33 sena, ieħor ta' 42 sena minn San Ġwann, u l-akkużat l-ieħor għandu 25 sena residenti n-Nadur.
Huma qed jiġu akkużati li fit-30 ta' Settembru u fil-ġimgħat ta' qabel, assoċjaw ruħhom ma' persuna jew persuni bil-għan li jagħmlu serqa. Erba' minnhom ġew akkużati li għall-ħabta tat-8.15 ta' filgħaxija fir-Rabat Għawdex, bil-ħsieb li jikkommettu serqa mill-Bubbles fir-Rabat Għawdex, u urew dan il-ħsieb b'atti esterni.
Is-suldati tal-Forzi Armati ta' Malta qed jiġu akkużati li matul dawn l-aħħar ġimgħat, bħala uffiċjali pubbliċi kkommettew reat li huma stess kellhom jissorveljaw li ma jsirx. Wieħed mis-suldati, jinsab akkużat li rrenda ruħu kompliċi fit-tentattiv ta' serq.
Erbgħa mill-imputati qed jiġu akkużati bi ħsara volontarja fil-ħanut kif ukoll fuq vettura, liema ħsara teċċedi l-€250 ghad-dannu ta' Raymond Caruana. Tlieta mill-akkużati huma reċedivi.
Kieku seħħet l-attentat serqa kienet teċċedi l-valur ta' €2,329.37.
Aktar kmieni
Fil-Qorti ta’ Għawdex mistennija jidhru ħames persuni b’rabta mal-attentat ta’ serqa ta’ nhar it-Tlieta li għadda minn ħanut tal-madum fir-Rabat Għawdex.
Hu mifhum li fost dawn hemm tliet suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt minn fuq il-post, il-każ seħħ bejn it-8.15 u t-8.30pm tat-Tlieta filgħaxija meta s-sid daħal fix-showroom u l-ħallelin dehru ħerġin minn fuq il-post jgħattu wiċċhom b’idejhom.
Dak il-ħin il-ħallelin, li kienu żewġ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, kienu qed jippruvaw ikissru sejf, minkejja li diġà kellhom xi flus ippreparati f’borża.
Is-suldati li huma Maltin u mhumiex stazzjonati Għawdex, ġew arrestati mill-Pulizija ftit wara li telgħu fuq il-vapur biex jinżlu Malta.