5 affarijiet li għandek iżżomm f’moħħok jekk se ssiefer

Images-Rene Rossignaud

Read in English.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ppubblika ħames affarijiet li wieħed għandu jżomm f’moħħu meta jsiefer.

Fi stqarrija l-Ajruport Internazzjoniali ta’ Malta (MIA) qal li wieħed irid ikun l-Ajruport minn tal-inqas sagħtejn u nofs qabel il-ħin tat-titjira. Dan sabiex ikollu ħin biżżejjed biex jgħaddi mill-proċeduri kollha tal-Ajruport. Il-maskri u visors huma obbligatorji għal kulħadd inkluż għal tfal minn sitt snin ‘il fuq. Il-maskri jridu jinbidlu kull erba’ sigħat inkella kif inhu indikat mill-manufattur tal-maskri. Huwa rikomandat ukoll li kull persuna jkollha sanitiser tal-idejn minkejja li madwar l-ajruport hemm 120 flixkun tas-sanitisers tal-idejn.

Fl-istqarrija l-MIA spjegat li nbidlu xi proċeduri għall-passiġġieri biex jevitaw l-iffullar madankollu l-proċedura fejn jidħlu ħwienet tal-ikel għadha l-istess.

Kull persuna li se tivjaġġa għandu jkollha dikjarazzjoni tas-saħħa – Air Malta

L-Air Malta fi stqarrija qalet li l-preparazzjonijiet għandhom isiru qabel ma’ wieħed isiefer u jiġu preżentati l-ajruport.

Il-persuni li se jivjaġġaw għandhom jippreżentaw formola li tista’ titniżżel minn hawn, u tiġi preżentata qabel wieħed jitla’ fuq l-ajruplan. Persuni li jirrifjutaw jimlew din il-formola mhux se jitħallew jitilgħu fuq l-ajruplan.

Il-bagalji li normalment jittellgħu fuq l-ajruplan mal-passiġġieri se jkunu qegħdin jittieħdu mal-bagalji mingħajr ħlas. L-Air Malta appellat li qabel isir dan wieħed għandu jneħħi betteriji Lithium, u oġġetti ta’ valur mill-bagalja. Il-proċeduri fejn jidħlu l-annimali u l-istrumenti mużikali se jibqgħu l-istess.

Persuni li se jsiefru Business-class jew għandhom id-Diamond Card se jkunu jistgħu jidħlu fil-parti ddedikata għalhom però se jkunu qed jinżammu r-rikomandazzjonijiet ta’ distanza soċjali.

L-Air Malta fakkret li kull persuna għandha tilbes il-maskra inklużi tfal ‘il fuq minn sitt snin. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jsegwi l-miżuri ta’ ndafa kemm dak personali kif ukoll ġenerali.

Fuq l-ajruplan il-ħlas se jkun qed isir permezz tal-cards. Kull min jixtieq jista’ jagħmel l-ordni tal-ikel u x-xorb minn qabel jitla’ abord. L-Airmalta żiedu li kull ajruplan huwa attrezzat biex ineħħi l-batterji. Apparti minn hekk l-oġġetti wżati se jkunu disinfettati kuljum.