5,000 ibatu mid-dimenzja u Alzheimer f‘Malta

Skont studju li sar mill-Università ta' Malta, fis-sena 2010, f'Malta kien hawn 5,198 persuna bid-dimenzja u/jew Alzheimer. Dan in-numru mistenni jilħaq id- 9,883 persuna fis-sena 2030.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon qal fil-Parlament li studji ta' kemm id-dimenzja tiswa’ lil Malta qatt ma saru lokalment. Iżda skont studju li sar mill-Università ta’ Karolinska, fl-Iżvezja u li ġie ppublikat fis-sena 2010,  instab illi f'Malta n-nefqa totali fuq id-dimenzja tvarja bejn €63.1 miljun għal €96.2 miljun.
Huwa qal li d-differenza f'dawn il-figuri, tiddependi mill-ammont ta' kura informali, li tingħata mill-familja. L-ewwel figura tikkorrispondi għal 1.6 siegħat ta' kura informali kuljum, filwaqt illi t-tieni figura tikkorrispondi għal 3.7 sigħat ta' kura nformali kuljum.
Għalkemm għaddew kważi għaxar snin minn dan l-istudju, huwa jibqa’ l-aktar studju ricenti ta' din ix-xorta.
Il-Ministru kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Mario Galea.