49% tal-Maltin mhux sodisfatti bil-miżuri tal-Gvern waqt il-pandemija

FILE PHOTO: European Union flags fly outside the European Commission headquarters in Brussels, Belgium, February 19, 2020. REUTERS/Yves Herman/File Photo

49% tal-Maltin mhumiex sodisfatti bil-miżuri li ħa l-Gvern sabiex jiġġieled il-pandemija tal-Covid-19. Dan ħareġ mill-aħħar stħarriġ li sar mill-Ewrobarometru. 46% jaħsbu li l-miżuri li kien hemm fis-seħħ matul ix-xhur tas-sajf kienu sodisfaċenti. Dawn iċ-ċifri ħarġu fl-isħarriġ li sar bejn Lulju u Awwissu ta’ din is-sena.

F’dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li 52% tal-Maltin jemmnu li l-ekonomija se tkun qiegħda tirkupra bejn 2022 u l-2023. Kienu biss 2% li jaħsbu li l-ekonimija se tirkupra sal-aħħar ta’ din is-sena u 1% jaħsbu li l-ekonomija mhi se tirkupra qatt. 71% tal-Ewropej jemmnu li l-ekonomija se tirkupra bejn 2022 u l-2023.

Numru sostanzjali ta’ persuni li jgħixu Malta spjegaw li l-lockdown parzjali li sar fil-Gżejjer Maltin minħabba l-imxija tal-coronavirus kien diffiċli u 9% ħassew li kellhom sfidi ta’ saħħa mentali. Meta kkumparat mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea l-Maltin ħassew il-lockdown parzjali iktar diffiċli.

Bosta mħassba dwar l-immigrazzjoni

58% tal-Maltin qalu li l-ikbar tħassib li għandhom huwa dwar l-immigrazzjoni. 61% tal-Maltin qalu li l-immigrazzjoni hija l-ikbar sfida tal-Ewropa. 25% tal-Maltin qalu li l-ikbar tħassib tagħhom hija s-saħħa filwaqt li 18% huma mħassbin dwar is-sitwazzjoni ekonomika f’Malta. Fil-pajjiżi Ewropej 31% jaħsbu li s-saħħa hija l-ikbar tħassib tagħhom filwaqt 33% huma mħassbin dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż.

F’dan l-istħarriġ ħareġ li l-gvern igawdi minn 58% tal-fiduċja filwaqt li l-parlament għandu 45%

Sejrin fit-triq it-tajba – Il-Gvern

Intant il-Gvern fi stqarrija qal li r-riżultati ta’ Ewrobarometru juru li livell tajjeb ta’ ottimiżmu u fiduċja mill-poplu minkejja l-pandemija. Żied li 58% tal-Maltin għandhom fiduċja fil-Gvern.

Fl-istqarrija l-Gvern qal li 92% ta’ dawk li rrispondew huma kuntenti bil-miżri li ttieħdu mill-Gvern matul din il-pandemija, 30% aktar mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Żiedu li minkejja l-pandemija 60% tal-persuni jaħsbu li l-ekonomija sejra tajjeb filwaqt li 73% tal-familji qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja hija tajba.