49 każ ġdid minn 2,200 swab test

Aġġornat 06:28 PM
Arkivji

Read in English.

Fl-aħħar 24 siegħa instabu 49 każ pożittiv. Dan tħabbar fi stqarrija tal-Ministeru għas-Saħħa li fiha ġie indikat li sar numru rekord ta’ swab test għaliex saru 2,200. Intqal ukoll li sa issa m’hemm ebda pazjent fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Intant, fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa ġew ippubblikati uħud mid-dettalji tal-każijiet. Dawn kienu 6 mill-isptar Monte Karmeli, 4 mill-cluster ta’ Jurassic Park u 3 mill-klabb tal-futbol ta’ Ħal Balzan.

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu wkoll tliet persuni fiequ.

Fl-istqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa appella għal responsabbiltà f’dawn il-mumenti u stqarr li ma għandux ikun hemm spekulazzjoni b’numri jew inkella tixrid ta’ aħbarijiet foloz li jallarmaw lin-nies għal xejn.

Il-Ministeru għas-Saħħa rringrazzja lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li għal darb’oħra qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jiġġieldu l-imxija tal-Covid-19.

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Dr Martin Balzan qal li n-numru huwa kbir. Dalgħodu l-istess unjin tat-tobba qalet li se tkun qed testendi l-perjodu fejn id-direttivi tagħha jibqgħu segwiti sal-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu.

Aktar tard, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li t-total ta’ testijiet li ħarġu pożittivi mil-laboratorji kien ta’ 71 bi 22 test minnhom kienu ta’ persuni li reġgħu rriżultaw pożittivi.

Il-PM jżur is-Swab Centre ta’ Pembroke

Il-Prim Ministru Robert Abela żar is-Swab Centre ta’ Pembroke fejn tkellem mal-ħaddiema li kienu preżenti. Huwa assigura lill-professjonisti tas-saħħa li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura biex is-servizz ikompli jitjieb.

Fl-aħħar 24 siegħa saru numru rekord ta’ 2,200 test. Kif ħabbart fl-aħħar jiem, aħna se nkomplu nżidu t-testijiet u mhux…

Posted by Robert Abela on Wednesday, August 12, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn