49 espressjoni ta’ interess li jipprovdu faċilitajiet għall-anzjani

Id-Dipartiment tal-Kuntratti rċieva 49 espressjoni ta’ interess minn investituri privati biex flimkien mal-Gvern joffru servizzi għall-anzjani li jkollhom bżonn kura fit-tul.

Is-sottomissjonijiet li nġabru jvarjaw minn proposti għal residenzi ġodda u konverżjoni ta’ strutturi li ġa jeżistu.

Intant fi stqarrija s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita`u Anzjanita` Attiva Franco Mercieca, qal li dan l-interess juri fiduċja mill-investituri fid-direzzjoni ġdida li l-Gvern qed jippromovi fil-qasam tal-kura tal-anzjani. Huwa żied jgħid li l-Gvern se jkun qed jillibera għexieren ta’ sodod li ma jistgħux jintużaw fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Karin Grech filwaqt li se jkunu utillizzati aħjar miljuni ta’ ewro fl-interess tal-anzjani.

Mercieca qal ukoll li l-qasam tal-kura tal-anzjani fit-tul għandu joffri l-opportunita` għal żgħażagħ li jixtiequ karriera f’dan is-settur li dejjem qed jikber.

Fil-ġimgħat li ġejjin, bord se jkun qed jevalwa dawn l-espressjonijiet ta’ interess sabiex jintgħażlu dawk li huma finanzjarjament vijabbli. Wara se jintgħażlu dawk li joffru l-aqwa servizz lill-anzjani bl-aħjar prezzijiet u fl-iqsar żmien possibli.