49 akkuża oħra ta’ qtil għat-terrorist li attakka moskej fi New Zealand

Brenton Tarrant, charged for murder in relation to the mosque attacks, is lead into the dock for his appearance in the Christchurch District Court, New Zealand March 16, 2019. Mark Mitchell/New Zealand Herald/Pool via REUTERS.

L-Awstraljan Brenton Tarrant deher quddiem il-Qorti ta’ New Zealand illum fejn ġie akkużat b’żieda ta’ 49 kap ta’ qtil f’żewġ moskej ix-xahar li għadda.

L-attakk kien ġie mxandar live fuq Facebook fejn ir-raġel, waħdu, armat b’arma tan-nar semi-awtomatika, attakka Musulmani li kienu qed jitolbu fi Christchurch. Il-każ li seħħ fil-15 ta’ Marzu ħalla 50 persuna mejta u għexieren midruba.

Tarrant ġie akkużat ukoll b’39 attentat ta’ qtil. Dan wara li propju ġurnata wara l-qtil hu kien tressaq il-Qorti akkużat bi qtil ta’ persuna waħda biss. Il-Qorti Suprema li bħalissa qed tisma’ l-każ ta’ Tarrant ordnat li dan jgħaddi minn assessjar mentali sabiex jiġi determinat jekk hux mentalment stabbli biex jgħaddi ġuri.

Tarrant, li għandu 28 sena, ttieħed f’ħabs ta’ sigurtà massima fi New Zealand li jinsab ġewwa Auckland u deher fil-Qorti permezz ta’ telefonata b’filmat. Tarrant se jibqa’ jinżamm taħt arrest sal-14 ta’ Ġunju. L-Imħallef Cameron Mander qal li Tarrant ikun jista’ jitlob għall-ħelsien proviżjorju wara li joħorġu r-riżultati tal-eżamijiet tas-saħħa mentali u wara li jsiru żviluppi oħrajn fl-investigazzjoni tal-każ.

Skont esperti legali, żewġ esperti fis-saħħa mentali se jkunu qed jeżaminaw lil Tarrant u fl-istess waqt, il-Pulizija jaf iressqu akkużi oħrajn dejjem skont kif tiżvolġi l-investigazzjoni. Intant, uffiċjali tal-ħabs sostnew li Tarrant jinsab taħt sorveljanza 24 siegħa kuljum, mingħajr l-ebda aċċess għall-midja.