484 ivvutaw fl-elezzjoni bikrija tal-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-PN

Read in English.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista avżat li 484 Kunsillier ivvutaw fl-elezzjoni bikrija tal-Kunsill Ġenerali Straordinarju li saret ilbieraħ.

404 ivvutaw fid-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal-Pietà u 80 ivvutaw fis-sottokwartieri tal-PN f’Ta’ Sannat f’Għawdex. Il-Kunsilliera eleġibbli li jivvutaw jammontaw għal 1,630.

Il-Kunsill Ġenerali Straordinarju se jsir għada, bil-votazzjoni bejn is-6pm u t-8pm fid-Dar Ċentrali. Il-votazzjoni tkompli l-għada s-Sibt bejn it-8am u s-6pm fid-Dar Ċentrali u bejn id-9am u l-4pm f’Ta’ Sannat.

Il-Kunsill irid jiddeċiedi bejn żewġ għażliet, li t-tnejn se jwasslu biex il-Partit isejjaħ konferenza ġenerali li fiha, it-tesserati jiġu mistiedna jivvutaw. Delia jippreferi li t-tesserati jkollhom vot ta’ fiduċja fih, iżda dawn li huma kontrih, inkluż il-maġġoranza tal-MPs tal-PN, iridu li ssir elezzjoni għal Kap ġdid.

Dan wara li Delia tilef żewġ voti ta’ fiduċja, wieħed fil-Grupp Parlamentari tal-PN u l-ieħor fost il-Kumitat Eżekuttiv.

Stħarriġ li sar mill-MISCO juri li għalkemm Adrian Delia tilef l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, għadu diffiċli li wieħed jgħid x’jista’ jiġri.