480 tifel u tifla taħt care order; il-Ministru jixtieq li jiġu adottati

Read in English.

F’Malta hawn mal-480 tifel u tifla li qegħdin taħt ‘care order’, u li ma jgħixux mal-ġenituri naturali tagħhom. Ħabbar dan il-Ministru għall-Familja Michael Farrugia fejn qal ukoll li jixtieq li dawn it-tfal ikunu adottati lokalment.

Il-Ministru Michael Falzon qal illi x-xewqa personali tiegħu hija li permezz ta’ dawn l-aġġustamenti “nistgħu nesploraw il-possibilità li nibdew naraw adozzjonijiet lokali”.

Adozzjoni bil-blockchain

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Farrugia ħabbar li se jibda jsir użu mit-teknoloġija tal-blockchain fil-qasam tal-adozzjonijiet. Dan biex jitnaqqas il-ħin tal-proċess tal-adozzjoni, kif ukoll titnaqqas drastikament il-burokrazija. Sal-lum, il-proċess kollu jirrikjedi ħafna karti u applikazzjonijiet.

Il-proċess tal-adozzjoni huwa twil minħabba l-għadd ta’ partijiet involuti fosthom il-ġenituri adottivi prospettivi, l-aġenziji akkreditati, l-Awtorità Ċentrali Maltija, il-pajjiż minn fejn tkun ser issir l-adozzjoni, kif ukoll entitajiet tas-saħħa u l-qrati Maltin u tal-pajjiż involuti.

B’mod partikolari, permezz ta’ din it-teknoloġija ser jiġi ffaċilitat il-proċess tat-tiftix tal-oriġini tal-persuna sabiex verament jiġi mħares l-aħjar interess tat-tfal. Dan għaliex, permezz ta’ din it-teknoloġija, il-proċess tal-adozzjoni kollu ser ikun b’mod diġitali u jinżamm b’mod iktar sigur u għaldaqstant persuna tkun tista’ tmur lura għall-proċess tal-adozzjoni tagħha.

Il-Ministru Michael Falzon laqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva u fi kliemu fisser dan bħala kisba importanti, għat-tfal adottivi infushom, kif ukoll il-familji l-ġodda ta’ dawn it-tfal. Il-Ministru Falzon stqarr li din is-sena kien hemm impatt negattiv f’dak li huwa numru ta’ adozzjonijiet lejn Malta, kawża tal-pandemija tal-Covid-19.