48 immigrant fil-periklu li jegħrqu – Alarm Phone

Read in English.

48 immigrant ieħor jinsabu f’riskju li jegħrqu fil-baħar Mediterran.

Fi tweet, l-Għaqda Alarm Phone spjegat li dalgħodu kienet mgħarrfa b’dgħajsa oħra f’periklu. Qalet li din id-dgħajsa tinsab fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija. Qalet li hu infurmat l-awtoritajiet immedjatament.

L-għaqda rrimarkat li dawn il-persuni ħarbu mil-Libja biex isibu post sigur fejn jgħixu.

Il-Prim Ministru Robert Abela bħalissa jinsab il-Libja flimkien mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo.

Ilbieraħ il-Gvern ħabbar li grupp ta’ disat itfal u 18-il mara ddaħħlu Malta għal raġunijiet umanitarji.

Intant, kelliem għall-Gvern ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li mal-istess grupp ta’ immigranti kien hemm 90 immigrant ieħor li wkoll ġew salvati mill-AFM, iżda minħabba li hawn restrizzjonijiet biex jipprevjenu l-imxija tal-coronavirus, dawn ittieħdu abbord il-vapur tal-Captain Morgan, u ma ddaħħlux Malta wkoll.