47 taħrika wara l-briju fuq il-Fosos tal-Furjana

Wara l-briju kontroversjali li seħħ fuq il-Fosos tal-Furjana t-Tnejn li għadda, il-Korp tal-Pulizija ħareġ total ta’ 47 taħrika lil diversi persuni.

Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett wasslu biex żewġ persuni toħroġilhom taħrika u jkunu akkużati bi ksur ta’ Avviż Legali 100/2020 talli organizzaw attività mingħajr permess. Dan il-ksur isarraf għal multa ta’ €3,000 kull wieħed.

43 persuna oħra nħarġitilhom taħrika talli kisru l-Avviż Legali 208/2020 li jitkellem dwar in-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu flimkien fi spazji pubbliċi. S’issa ma jistax ikun hawn gruppi ta’ aktar minn 6 persuni. Persuna se tkun akkużata b’theddid fuq uffiċjal pubbliku, li ostakolat it-triq u li ma obdietx ordnijiet tal-pulizija. Persuna oħra se tkun akkużata li ostakolat it-triq b’vettura.

It-Tnejn li għadda, Floriana FC ġew iddikjarati Champions għall-kampjonat Malti 2019/2020 filwaqt li Nadur Youngsters ġew iddikjarati Champions tal-ewwel Diviżjoni tal-GFA. Il-partitarji tal-Floriana FC mal-ewwel marru fuq il-Fosos tal-Furjana fejn hemmhekk iċċelebraw din ir-rebħa b’għexieren ta’ persuni jxejru bnadar u jkantaw innijiet ċelebrattivi. L-Assistent tal-Pulizija indirizza l-folla preżenti u waqqaf iċ-ċelebrazzjonijiet.

Hi u titkellem ma’ Newsbook.com.mt is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci appellat lill-pubbliku biex ikun responsabbli u ma jħallix li terġa’ tiġri sitwazzjoni bħal dik tat-Tnejn li għadda.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn