47 mill-64 vittma mietu bil-Covid-19 – Il-Ministru Fearne

Chris-Fearne
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal fil-Parlament li mill-64 vittma tal-coronavirus f’Malta, kien hemm 47 persuna li mietu bil-virus bħala l-kundizzjoni ewlenija tagħhom.

Dan qalu hu u jwieġeb lid-Deputat Godfrey Farrugia, li staqsieh jagħti n-numru ta’ persuni li huma mniżżlin fil-lista li mietu b’riżultat pożittiv tat-test tal-Covid-19, li effettivament mietu minħabba l-Covid-19 speċifikament bħala “the underlying cause of death.”

Fis-seduta parlamentari ta’ dalgħodu, Fearne qal, b’hekk, li 47 persuna mietu effettivament minħabba l-coronavirus. Fil-15-il persuna l-oħra, il-Covid-19 kien meqjus bħala kawża kontributorja. Rigward l-aħħar żewġ imwiet għadhom għaddejjin il-verifiki neċessarji.

Farrugia talab lil Fearne jagħti wkoll in-numru ta’ awtopsji li saru fuq xi persuni mniżżlin f’din il-lista mingħajr ma jiżvela d-dettalji tagħhom. Il-Ministru għas-Saħħa wieġeb li fl-ebda minn dawn il-każijiet ma saret awtopsja minħabba li d-dijanjosi kienet magħrufa.

14-il persuna fuq il-ventilator bħalissa

Dr Fearne qal li bħalissa hemm 14-il persuna fuq il-ventilator. B’kollox, mill-bidu tal-pandemija ‘l hawn, kien hemm 33 pażjent bil-coronavirus li kellu bżonn ventilazzjoni mekkanika.

Minn dawn kien hemm 11 li mietu, tmienja li ntbagħtu f’sala oħra u 14 li għadhom fuq il-ventilator.

Huwa ta din l-informazzjoni bi tweġiba għal mistoqsija oħra tad-Deputat Godfrey Farrugia, eks Ministru tas-Saħħa.