47 immigrant jiddaħħlu Malta mill-AFM

Monique Agius

Read in English.

Il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) salvat u daħħlet Malta 47 immigrant li kienu jinsabu fil-periklu li jgħerqu.

Fi stqarrija, l-AFM spjegat li dawn ġew salvati lbieraħ filgħodu. Huma ddaħħlu Malta permezz ta’ bastiment tal-armata fil-bażi navali ta’ Hay Wharf. Dan seħħ għall-ħabta tas-6pm.

Intant, ilbieraħ ħareġ kif fi ftit jiem biss, 223 individwu ġew salvati mill-bastiment ta’ salvataġġ Ocean Viking, li huwa operat mill-għaqdiet Medecins Sans Frontieres (MSF) u SOS Mediterranee. Dan minn meta dan telaq mill-port ta’ Pozzallo fl-Italja ħamest ijiem ilu. Fil-grupp kien hemm għadd ta’ minuri waħedhom u anke nisa tqal. Il-ħidma ta’ salvataġġ saret fi tliet ħidmiet separati. L-aħħar grupp ta’ 72 individwu ġew salvati f’żona li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta, skont MSF.

SOS Mediterranee qalet li l-awtoritajiet Taljani, Maltin, Libjani u Ewropej kienu infurmati b’din il-ħidma ta’ salvataġġ, u anke l-bastiment Alan Kurdi u Alarm Phone. Huma talbu lill-awtoritajiet Taljani, Maltin u Libjani għal post ta’ kenn, iżda kienu l-awtoritajiet Libjani biss li wieġbu li qalulhom li Tripli huwa post sigur. Madankollu, il-bastiment irrifjuta din l-offerta peress li ma jqisx lil Tripli sigur biżżejjed.