​47 fix-xahar b’ċitazzjoni għax ingumbraw bankina

F’Għawdex, 47 persuna fix-xahar ilaqqtu ċitazzjoni minħabba ingombru tal-bankini b’karozza jew oġġett ieħor.
Dan joħroġ minn statistika ppreżentata fil-Parlament mill-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonnici u mill-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia għall-mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said.
B’kollox fl-2017, ingħataw 561 ċitazzjoni mill-Pulizija jew Gwardjani Lokali.
Minn dawn il-Pulizija tat 83 ċitazzjoni: 63 fir-Rabat, 11 fin-Nadur, 7 f’Marsalforn u 2 fix-Xewkija.
Il-Gwardjani taw 478 ċitazzjoni lill-vetturi li ostakolaw il-bankini: 160 fil-Munxar, 139 fir-Rabat, 132 f’Għajnsielem, 39 fiż-Żebbuġ, li jinkludi wkoll Marsalforn, 4 fl-Għarb, 3 fix-Xagħra u waħda fil-Qala.
L-aktar xahar popolari għal dawn iċ-ċitazzjonijiet fost il-Gwardjani kien Awwissu fejn ingħataw 153 ċitazzjoni.