47,000 ruħ jheddu li jħassru Facebook

Mas-47,000 ruħ minn madwar id-dinja kollha, qed jitolbu lil Mark Zuckerberg, is-sid ta’ Facebook, biex jagħlaq il-profili kollha msejħa bħala ‘fake accounts’ inkella se jitilqu bil-massa bħala protesta għal dan l-aġir.
Fil-petizzjoni fuq is-sit Avaaz.com, eluf ta’ persuni qed jitlobu sabiex jingħalqu il-kwart ta’ biljun ta’ profili ta’ persuni fittizji li hemm fuq Facebook li aktar kemm jgħaddi żmien aktar qed ixerrdu aħbarijiet foloz biex jallarmaw in-nies.
Jirreferu wkoll għall-aħħar skandlu li kien involut fih Facebook, dak tal-Cambridge Analytica, wara li l-kumpanija bbażata f’Londra ġiet akkużata li użat l-informazzjoni personali ta’ 50 miljun membru ta’ Facebook biex jinfluwenzaw ir-riżultati tal-elezzjoni Presidenzjali tal-2016 fl-Istati Uniti.
Fl-imejl li ntbagħat lill-persuni kollha li jsegwu l-petizzjonijiet fuq Avaaz, intqal li kuljum il-popolazzjoni dinjija qed tiltaqa’ ma’ xi skandlu ġdid li fih hemm involut Facebook, fejn issemmi kif korporazzjonijiet kbar qed jisirqu u jbigħu l-informazzjoni dwar dawk kolha li jużaw is-sit, Gvernijiet korrotti qed ixxerdu aħbarijiet foloz, filwaqt li n-Nazzjonijiet Magħquda qed takkuża li Facebook inkoraġġixxa il-ġenoċidju f’Burma.
Spjegaw kif il-Gvern Ġermaniż għadda liġi li qed thedded lil Facebook b’multi kbar li jwasslu mal- €40 miljun, filwaqt li Franza u l-Irlanda qed jaħdmu sabiex jgħaddu liġijiet ġodda kontra t-tixrid ta’ aħbarijiet foloz. 
Sostnew li l-gvernijiet madwar id-dinja għandhom isegwu dawn il-passi hekk kif Facebook dejjem jassigura li jtejjeb is-servizzi tiegħu meta jara li hemm ammont kbir ta’ pressjoni esterna.