468 tunnellata patata Maltija għan-Namibia

Read in English.

Il-Gvern ħabbar li wara sejħa li ħareġ se jkun qed jixtri u jesporta 468 tunnellata patata Maltija lejn in-Namibia minħabba l-kriżi tal-ikel li hemm fil-pajjiż.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej irċieva tlett offerti konformi b’total ta’ 468 tunnellata bil-kriterji ewlenin kienu illi l-patata tkabbret lokalment u li nxtrat mingħand bdiewa lokali bi prezz ta’ mhux inqas minn 30 ċenteżmu kull kilo.

B’hekk, il-Gvern xtara l-ammont kollu offrut b’nefqa ta’ €187,200. 75% tal-fondi (€140,400) ntqal li marru direttament għand il-bdiewa li fornew il-patata lill-esportaturi.

Din il-konsenja issa hija lesta biex nhar it-Tnejn f’Jum l-Imnarja, il-patata titlaq mll-Port Ħieles ta’ Malta lejn in-Namibia, fejn mistennija tasal fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu.

X’inhi din l-inizjattiva?

Bit-tema ‘Solidarjetà Malta’, din l-inizjattiva tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali u Trade Malta, qed issir permezz ta’ fondi allokati għall-għajnuna fl-iżvilupp ta’ pajjiżi barranin.

Fi stqarrija l-Gvern qal li minn dan il-ġest ta’ solidarjetà man-Namibia mistennija jibbenefikaw man-nofs miljun persuna. Il-pajjiż għadda min-nixfa u bil-problemi li komplew jiggravaw minħabba l-imxija tal-COVID-19.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li din l-inizjattiva ta’ benefiċċju reċiproku hija biss il-bidu ta’ relazzjonijiet aktar b’saħħithom bejn Malta u n-Namibia, liema relazzjonijiet għandhom iwasslu għal aktar koperazzjoni u potenzjal ta’ kummerċ.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li din l-inizjattiva llum qed issir b’solidarjetà, iżda għada se toffri opportunità biex niftħu niċċa ġdida għall-prodott agrikolu Malti li jkun ifisser ukoll sostenn fit-tul għall-bdiewa lokali.