465 jikkontestaw skwalifika għal pożizzjoni fiċ-ċivil fl-2019: 127 jitqiesu eliġibbli

Matul is-sena 2019, 465 persuna talbu biex tiġi riveduta d-deċiżjoni li kienu ineliġibbli għal pożizzjoni fiċ-ċivil, u aktar minn kwart kellhom it-talba tagħhom milqugħa mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (PSC).

Skont l-aħħar rapport annwali tal-PSC, il-maġġor parti ta’ dawn it-talbiet saru qabel ma ġew ippubblikati r-riżultati tas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

Il-465 talba kienu jikkonċernaw 259 sejħa, li ghalihom kienu applikaw total ta’ 5,236 persuna.

41% kienu ġew meqjusa ineliġibbli minħabba nuqqas ta’ kwalifiki, 18% minħabba nuqqas ta’ esperjenza, 12% minħabba r-riżultat li ġabu fl-eżami jew test, 11% minħabba nuqqasijiet fl-applikazzjoni tagħhom, 9% minħabba li ma jifhmux biżżejjed il-Malti, 6% għax bagħtu l-applikazzjoni tard, u 3% minħabba raġunijiet oħrajn.

L-akbar numru ta’ talbiet – 121 – kienu jikkonċernaw id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni. 100 kienu jikkonċernaw il-Ministeru  għas-Saħħa, bi 30 każ ieħor għal pożizzjonijiet taħt ir-responsabbiltà konġunta ta’ dan il-ministeru u tal-Ministeru għall-Familja.

Wara li investigat dawn it-talbiet, il-PSC iddeċidiet li 127 applikanti kellhom jitqiesu eliġibbli, filwaqt li kkonfermat id-deċiżjoni oriġinali fit-338 każ ieħor.

133 jikkontestaw ir-riżultat tal-evalwazzjoni

Il-PSC irċeviet ukoll 133 petizzjoni minn persuni li nsistew li r-riżultat li rċevew wara li applikaw ma kienx jirrifletti l-merti tagħhom.

Minn dawn, 26% insistew li l-esperjenza tagħhom ma kinitx immarkata sew, filwaqt li l-ilment ta’ 24% kien dwar il-kwalifiki tagħhom, 20% fuq l-għarfien tagħhom u 16% dwar il-ħiliet tagħħom.

Kważi nofs il-petizzjonjiet – 63 – kienu jikkonċernaw il-Ministeru għall-Edukazzjoni, filwaqt li 25 jikkonċernaw il-Ministeru għas-Saħħa.

Sal-aħħar tal-2019, il-PSC laqgħet 21 petizzjoni u ċaħdet 110: 2 kienu għadhom pendenti.

Mir-rapport annwali tal-PSC ħareġ ukoll li matul l-2019 kien hemm 29 każ dixxiplinarju serju li seta’ jwassal għat-tkeċċija miċ-ċivil, li waslu għat-tkeċċija ta’ persuna waħda.