4,600 siġra meqruda bin-nar fil-Miżieb

Miżieb Hunting Reserve / Facebook

Nirien li ħakmu l-Miżieb f’Ġunju li għadda huma stmati li qerdu 4,600 siġra. Dan qalu l-Ministru José Herrera fil-Parlament ilbieraħ.

Is-siġar li nqerdu bejn it-22 u t-23 ta’ Ġunju kienu siġar taż-żebbuġ, taż-żnuber, tal-għargħar u tal-akaċja. In-nar infirex fuq 15-il tomna art.

Ritratti: Nar fil-Miżieb

Il-Ministru Herrera ta din l-informazzjoni hu u jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari Nazzjonalist Robert Cutajar. Żied jgħid li l-esperti ambjentali mqabbda minn Ambjent Malta u l-ERA se jeżaminaw il-ħsara li saret, u se jippruvaw jidentifikaw x’ikkawża dawn in-nirien.

BirdLife Malta kienet qalet li tnikktet bl-aħbar dwar in-nirien li ħakmu l-masġar. L-NGO qalet li minbarra l-fatt li l-Miżieb hu wieħed mill-ftit postijiet b’popolazzjoni densa ta’ siġar f’Malta, iservi wkoll bħala post ta’ mistrieħ għal diversi għasafar matul il-passa, u huwa sit popolari mal-pubbliku li jżuru għar-rikreazzzjoni.

Fl-istess waqt, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li hemm suspett li n-nar ma bediex waħdu, u l-Ministeru għall-Ambjent ma nnegax dan il-fatt. Aktar tard fl-istess jum, l-FKNK ħabbret li r-riżervi tagħha fil-post kienu ġew vandalizzati.