460 bidwi b’kumpens ieħor għall-ħsarat mill-maltemp tas-sena l-oħra

DOI - Jason Borg

Madwar 460 bidwi se jkunu qed jibbenefikaw minn kumpens wara li sofrew danni fl-uċuħ tar-raba’ tagħhom kawża ta’ maltempata qawwija fi Frar tas-sena li għaddiet.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo li spjega kif permezz ta’ din l-iskema, il-Gvern se jagħti kumpens minħabba li f’Malta m’hawnx assigurazzjoni għall-prodotti agrikoli. Spjega li dan il-kumpens ġie kkalkulat fuq bażi ta’ spezzjonijiet li twettqu min uffiċjali tad-dipartiment u skont metodoloġija approvata mill-Kummissjoni Ewropeja. 

L-iskema se tiswa’ miljun u nofs ewro.

Id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali fi ħdan il-Ministeru tal-Agrikoltura, se jibgħat applikazzjonijiet lil dawk il-bdiewa li ntlaqtu mill-maltempata ta’ Frar 2019 u li kienu rrappurtaw il-ħsara wara avviż mid-Dipartiment.

Dan il-kumpens ser ikun qed jitħallas fil-gimgħat li ġejjin u huwa differenti minn kumpens li diġà tħallas relatat ma’ ħsarat li l-bdiewa u raħħala Maltin sofrew fl-istrutturi tagħhom.

X’kien il-kumpens li tħallas aktar kmieni?
Il-bdiewa se jibdew jitħallsu għall-ħsarat f’Marzu