46 immigrant fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija jaslu Lampedusa

Read in English.

46 immigrant li kienu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija (SAR) irnexxielhom jaslu Lampedusa waħedhom.

Dan qalitu l-għaqda Alarm Phone, li lbieraħ qalet li s-46 persuna jinsabu fl-ibħra Maltin u jeħtieġu l-għajnuna. Huma ħarbu mil-Libja jumejn ilu, u lbieraħ kienu jinsabu 50 mil nawtiku bogħod minn Lampedusa meta kkuntattjaw lil Alarm Phone għall-għajnuna. Hija infurmat lill-Guardia Costiera u lill-Forzi Armati ta’ Malta.

Aktar tard ilbieraħ, imbagħad, Alarm Phone stess kitbet fuq Twitter li temmen li l-istess dgħajsa b’46 immigrant abbord waslet Lampedusa minn jeddha. Għall-ħabta tal-10pm, daħlet dgħajsa tal-fiberglass b’49 persuna abbord, li qablet mad-deskrizzjoni tad-dgħajsa li kellhom kuntatt magħha.

Ilbieraħ Malta salvat 77 immigrant ieħor, u dawn ittieħdu abbord vapur mikri mingħand il-kumpanija Captain Morgan. Dan hu r-raba’ vapur li qed jinkera mill-Gvern Malti sabiex jospita lill-immigranti salvati.

Intant, ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo, żar il-Libja sabiex jiltaqa’ mal-Prim Ministru Libjan. Bejniethom qablu li f’Malta u fil-Libja għandhom jitwaqqfu żewġ ċentri ta’ kordinazzjoni sabiex jiġġieldu t-traffikar uman.