Imutu 6 persuni fit-toroq Maltin fi 3 xhur

In-numru ta’ inċidenti tat-traffiku rappurtati tul ir-raba’ kwart tal-2019 ammonta 3,841. Dan jirriżulta f’żieda ta’ 9.4% tul il-perjodu korrispondenti fl-2018.

Dawn l-istatistiċi ġew ippubblikati f’rapport mill-NSO, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

L-istatistiċi juru li kien hemm 16-il vittma ta’ inċidenti tat-traffiku fit-toroq tul l-2019 filwaqt li tul ir-raba’ kwart tal-2019, kien hemm sitt vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku.

Ir-rapport juri li d-distrett tal-Port tat-Tramuntana, irreġistra l-ikbar ammont ta’ inċidenti tat-traffiku b’1,400 każ, 36.4 % tal-inċidenti kollha.

L-ikbar ammont ta’ inċidenti tat-traffiku seħħew ġewwa Birkirkara bi 344 każ. Ħal Qormi u n-Naxxar isegwu b’221 u 183 ta’ inċidenti rrappurtati, rispettivament.

L-ikbar numru ta’ persuni mweġġa’ kienu passiġġieri (59.9%), imbagħad muturi (28.3%), segwiti minn vetturi li jġorru merkanzija (7.1%).

L-istatistiċi juru wkoll li l-ikbar numru ta’ persuni mweġġa’ fit-toroq seħħew nhar ta’ Sibt b’67 vittma, filwaqt li l-ikbar ammont ta’ incidenti tat-traffiku seħħew nhar ta’ Tnejn b’635 inċident.

Il-ħin li matulu seħħew l-ikbar ammont ta inċidenti tat-traffiku kien bejn id- 09:00 u 11:59 bi 804 każ, 20.9% tat-total.