450 tifel u tifla mgħammda f’daqqa f’Manila

Il-Kardinal tal-Filippini, fl-aħħar Sibt ta’ Settembru mexxa ċerimonja li fiha kienu mgħammda 450 tifel u tifla li jgħixu fil-postijiet mitluqa u traskurati ta’ Manila u enfasizza li dan is-Sagrament hu “rigal minn Alla u għalhekk ma għandux prezz.

Il-Kardinal laqa’ lil dawn it-tfal foqra fil-Kattidral biex jagħti sinjal anke lill-foqra tal-pajjż li s-Sagramenti “huma għal kulħadd”.

“Għax dan is-Sagrament huwa grazzja, huwa għal kulħadd. Li tkun fqir jew bniedem ordinarju mhux ostaklu biex tirċievi l-grazzja t’Alla”.

“Il-grazzja t’Alla hi għal kulħadd, speċjalment għall-foqra li hu tant iħobb. Il-grazzja ma tħallasx  għaliha għax ma għandhiex press”, sostna l-Kardinal Tagle.

Matul din iċ-ċerimonja, l-Kardinal kien mgħejjun minn seba’ saċerdoti oħra li użaw numru ta’ fontijiet tal-Ilma Mbierek iżda t-talb ingħad kollu flimkien..

Għajnuna lill-foqra

Dawk li rċivew is-Sagrament tal-Magħmudija kienu fir-responsabbilta tal-Fondazzjoni “Tulay  Kabataan” li tgħin tfal li jkunu jiġġerrew fit-toroq.  L-età ta’ dawk mgħammda kienet tvarja minn trabi sa’ tfal ta’ 17-il sena.

Din il-Fondazzjoni ilha għal żmien twil taħdem mat-tfal foqra li ħafna drabi jkollhom ifittxu fl-iskart għall-ikel tagħhom. Il-Fondazzjoni toffrilhom programmi maħsuba biex  jiksbu lura d-dinjità tagħhom u tressaqhom lejn Alla.

Fl-Omelija tiegħu, il-Kardinal Tagle tkellem dwar id-dover tal-ġenituri li jgħaddu l-fidi lil uliedhom fid-dar tagħhom. Qal li l-ġenituri u n-nanniet huma obbligati jgħinu li jgħinu fl-iżvilupp tat-tfal u jgħinuhom jikbru fil-fidi li huma mgħammda fiha.

“Ejjew inrabbu ‘l uliedna bħala segwaċi tajba ta’ Kristu, ikunu membri tajba tal-Knisja u ċittadini responsabbli ta’ dan il-pajjiż”, qal il-Kardinal. “Iżda biex dan iseħħ anke l-ġenituri jridu jikbru fil-fidi”.

Fl-2017, il-Fondazzjoni “Tulay Kabataan” kienet ukoll wasslet 400 tifel u tifla għall-Magħmudija fl-istess Kattidral. Ta’ kuljum, madwar 1,300 tifel u jinġabru kuljum fl-24 ċentru li din il-Fondazzjoni għandha mifruxa fil-kapitali Manila.

Fl-2015 il-Papa Franġisku kien żar lil dawn it-tfal f’wieħed miċ-ċentri tal-Fondazzjoni li f’dawn l-aħħar 21 sena kemm ilha mwaqqfa għenet aktar minn 55,000 tifel u tifla minn familji foqra fil-Filippini.