45% tal-popolazzjoni f’Malta inattiva

Iktar minn nofs il-popolazzjoni f’Malta minn 15-il sena ’l fuq taħdem, imma hemm 45% li jirriżultaw inattivi – jiġifieri la jaħdmu u lanqas jirreġistraw għax-xogħol.
Bejn Lulju u Settembru, minn kull 100 persuna ta’ età bejn 15 u 64 sena, 64 kienu jaħdmu.
Dan ifisser żieda ta’ 2.1% imqabbel mal-istess tliet xhur is-sena ta’ qabel.
L-irġiel kienu jaħdmu l-iktar fil-bejgħ bl-imnut jew mill-ħwienet, fil-qasam tat-trasport u f’dak tal-akkomodazzjoni jew l-ikel. In-nisa kienu jaħdmu l-iktar fl-amministrazzjoni pubblika, id-difiża u l-edukazzjoni.
Kważi 14% ta’ dawk li jaħdmu, jagħmlu hekk għal rashom. 14% oħra kellhom xogħol part-time bħala l-impjieg prinċipali tagħhom. 7.8% tan-nisa jaħdmu bis-sigħat imnaqqsa.
Bejn Lulju u Settembru, il-medja tal-paga bażika fuq sena tal-ħaddiema f’Malta kienet ta’ ftit iktar minn €16,000 eskluż sahra, bonuses jew benefiċċji oħra.
L-ogħla paga bażika jeħduha dawk li jaħdmu fis-settur finanzjarju jew ta’ assikurazzjoni b’medja ta’ kważi €23,500 fis-sena.