45 siegħa programmi ġodda fuq l-RTK

Għall-iskeda tar-rebbiegħa, RTK nieda skeda ġdida bi kważi 45 siegħa ta’ programmi differenti u ġodda. “B’din l-iskeda, l-RTK se jkun qed jagħti lis-semmiegħa tiegħu l-aqwa programmi ta’ divertiment, informazzjoni u aħbarijiet,” qalet Sylvana Debono, Content Editor. 
Il-bidliet huma varji u mifruxa fuq diversi ħinijiet tal-ġurnata. L-RTK f’din l-iskeda qed jintroduċi programmi ġodda għal kollox kif ukoll qiegħed jagħmel tibdil kbir fi programmi stabbiliti. Il-bidliet kbar li qed isiru jirriflettu x-xewqat esperessi mill-udjenzi tagħna kemm direttament mad-direzzjoni ta’ l-RTK kif ukoll xewqat espressi fir-riċerka maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir.
It-tibdil fl-iskeda qed isir bħala parti mir-riforma mill-qiegħ li l-Arċisqof Scicluna iddeċieda li jagħmel fl-istruttri tal-media tal-Knisja. L-għan ta’ din ir-riforma hija li jinġabru f’organizzazjoni waħda r-riżorsi kollha li għandha l-Knisja biex il-midja tagħha tkun l-aħjar li hawn f’pajjiżna.
Id-direzzjoni ta’ l-RTK hija determinata li l-istazzjon jerġa’ jsir wieħed mill-istazzjonijiet l-aktar popolari f’Malta u Għawdex.