45 kompjuter għall-istudenti iżda t-talbiet baqgħu jidħlu kuljum

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li lil hinn mill-45 kompjuter ġodda u użati li tqassmu lill-istudenti li m’għandhomx biex isegwu l-lezzjonijiet online, kien hemm talbiet għall-għajnuna li baqgħu deħlin kuljum.

Għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, Bonnici qal li t-talbiet qed jidħlu kuljum u qed jiġu evalwati minnufih u f’temp ta’ ftit jiem.

Huwa qal li kull persuna li jkollha t-talba tiegħu milqugħa qed tiġi kkuntattjata bla dewmien.

Peress li issa t-tagħlim tal-iskejjel qed isir online minħabba li l-iskejjel huma magħluqin minħabba l-imxija tal-coronavirus, il-Gvern qiegħed joffri kompjuters jew tablets u internet lill-istudenti ġejjin minn familji li m’għandhomx aċċess għal dawn il-faċilitajiet.