
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia ħabbar li 45 klabb sportiv se jkunu qed jibbenefikaw minn kontijiet orħos tal-enerġija. Dan wara li kien hemm numru ta’ skemi amministrati mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma.
Sal-aħħar ta din is-sena ser ikunu ingħataw total ta’ €800,000 fi grants lil dawn l-għaqdiet, li jsarrfu fi tnaqqis ta’ 460 tunnellata ta’ emissjoniet ta’ CO2 fis-sena.
L-investiment medju kien ta’ €20,000, fejn il-klabbs setgħu jiffrankaw anke sa €4,000 kull sena.
Dan tħabbar waqt żjara fil-grawnd tal-futbol tal-Mosta, li huwa wieħed mill-klabbs li bbenefika minn waħda minn dawn l-iskemi, fejn inbidlet is-sistema kollha tad-dawl tal-grawnd għal waħda li taħdem bl-LEDs li taħli inqas elettriku.
Il-Ministru Farrugia kellu kliem ta’ tifħir għall-għaqdiet kollha sportivi li nvestew f’tagħmir li jnaqqas l-użu tal-enerġija. L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma tippromwovi skemi speċifiċi bħal investimenti relatati ma’ titjib fl-enerġija fl-intrapriżi, skemi ta’ Energy Audit għall-industrija ż-żgħira u medja, u anke amministrat din l-iskema għal organizzjonijiet sportivi.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li permezz ta’ dan il-proġett, dawn l-għaqdiet sportivi se jkollhom l-opportunità li jiffrankaw mill-kont tad-dawl tagħhom u fl-istess ħin ikunu jistgħu jinvestu iktar fil-klabb u fin-nurseries.
Is-segretarju parlamentari kompla jgħid li l-gvern, flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, qed jimbarka fuq proġett sabiex jiġu rinovati l-pitches tal-futbol ta’ diversi klabbs sportivi.
Fil-fatt, taħt din l-iskema bbenefikaw 45 klabb li ġejjin minn oqsma varji tal-isport, bħal football, tennis, boċċi, waterpolo, atletika, basketball, judo, hockey u aktar sport varju. L-investiment l-aktar popolari kien dak ta’ bdil ta’ floodlighting għal sistemi ta’ LED. Kien hemm klabbs li nvestew fi bdil ta’ apparat, airconditioners u heat pump water heaters, u f’sistemi ġodda ta’ dawl.