45 avukat jiftħu protest ġudizzjarju kontra l-Qorti u l-Ministeru tal-Ġustizzja

45 avukat ippreżentaw protest fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili dwar tariffi ġodda aktar għolja li daħlu fis-seħħ fil-Qorti mingħajr ma għaddiet l-ebda liġi.
Il-protest sar kontra l-Ministru għall-Ġustizzja u uffiċċjali oħra fi ħdan il-Ministeru u fi ħdan il-Qrati.
Qed jitolbu rifużjoni ta’ ħlasijiet żejda li saru "b’mod abbużiv" u qed iżommu lill-awtoritajiet responsabbli għad-danni li qed isofru bla bżonn.
Il-protest, iffirmat mill-Avukat Edward Debono f’isem l-avukati, jgħid li r-Reġistri tal-Qrati Superjuri u tal-Qorti tal-Maġistrati f’Malta u f’Għawdex, mill-bidu tas-sena bdew jeżiġu mingħand il-klijenti, drittijiet u tariffi li mhumiex dawk imsemmija fil-liġi, u li dawn huma ħafna drabi ogħla minn dawk stipulati fil-liġi.
Għalhekk, l-avukati qed isostnu li dawn huma illegali anke għax il-Parlament ma approva ebda liġi li ddaħħalhom fis-seħħ u ma ngħata ebda kunsens għalihom mill-President tar-Repubblika.
Il-protest jgħid ukoll li l-awtoritajiet tal-Qrati għandhom l-obbligu li bħala rappreżentanti tal-Qrati tal-Ġustizzja fil-pajjiż, josservaw il-liġi, u l-istat għandu d-dmir li ma jippermettix li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu mittiefsa.
Fl-ewwel jiem tas-sena, Newsbook.com.mt żvela li persuni li kienu qed imorru l-Qorti kienu qed jintalbu miżati ferm ogħla minn dawk ta' ftit jiem qabel