44 vittma tat-traġedja Germanwings jaslu l-Ġermanja bil-Lufthansa

Waslu f’Düsseldorf fil-Ġermanja, il-fdalijiet ta’ 44 vittma tat-traġedja tal- Germanwings li seħħet fl-Alpi Franċiżi f’Marzu li għadda, u li ħalliet 150 persuna mejta.
L-44 vittma waslu fi twiebet b’ajruplan tal-Lufthansa li ħalla Marsilja fi Franza lbieraħ filgħaxija.
Il-fdalijiet se jingħataw lill-familji rispettivi biex tkun tista’ ssir id-difna.  Matul il-ġurnata tal-lum, il-qraba tal-vittmi se jkunu jistgħu jżuru t-twiebet f’ħangar f’Düsseldorf stess.
Il-bqija tal-vittmi se jintbagħtu fil-ġimgħat li ġejjin.
Kien hemm dewmien fir-ripatrijazzjoni ta’ wħud mill-katavri, minħabba li l-ġimgħa li għaddiet saru xi żbalji fuq iċ-ċertifikati tal-mewt fi Franza.
Il-passiġġieri abbord l-ajruplan li allegatament iġġarraf mill-kopilota Andreas Lubitz, kienu ġejjin minn 18-il pajjiż fosthom l-Awstralja, l-Arġentina u l-Ġappun. Il-parti l-kbira ta’ dawk abbord kienu Spanjoli u Ġermaniżi.