44 kontejner maqbuda mid-Dwana

L-akbar konsenja kkonfiskata s'issa

Read in English.

Fil-ġranet li għaddew tnediet operazzjoni mid-Dwana Maltija fuq konsenja ta’ 44 kontejner fil-Freeport.

Il-maġġoranza tal-kontejners instab li kienu qed iġorru eluf ta’ prodotti li jiksru l-Liġi tal-Propjetà Intellettwali. Kelliem għad-Dwana ta’ Malta spjega kif mal-ewwel 20 pied mill-bieba, il-kontejners kien fihom prodotti leċiti bil-għan li jgħattu l-bqija tal-prodotti illeċiti li kienu warajhom. Dawn inqabdu bl-iscanner.

Il-kontejners kollha oriġinaw minn pajjiż fl-Asja u kienu lkoll destinati għal pajjiż Afrikan.

Bħalissa, il-kontejners maqbuda qed jitbattlu fiżikament, f’operazzjoni li mistennija tieħu numru ta’ ġranet. S’issa tbattlu biss tmien kontejners, li fihom irriżulta li kien hemm prodotti folozta’ ditti rinomati. S’issa nstabu:

  • 91,750 aċċessorji ta’ telefons ċellulari;
  • 46,863 biċċa ħwejjeg;
  • 43,915-il par żarbun sportiv;
  • 14,365 track suit;
  • 7,770 par żarbun; u
  • 750 game controllers.

Tmienja mill-44 kontejner ma nstab li kellhom l-ebda oġġett illeċitu. Id-Dwana Maltija tqis li din hi l-akbar konsenja ta’ kontejners f’daqqa li qatt ikkonfiskat u l-fatt li fadal 28 kontejner x’jitbattlu, kollox jindika li l-ammonti ser jilħqu figura rekord. L-akbar konsenja maqbuda fil-passat kienet ta’ 15-il kontejner.

F’din l-operazzjoni, li għadha għaddejja, qed jieħdu sehem attiv Uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima tal-Moniteraġġ tal-Kontejners, mit-Taqsima tal-Iscanning u mit-Taqsima tal-Propjetà Intellettwali, fejn qiegħed jintuża l-iscanner sofistikat tad-Dwana. Qed jagħtu sehemhom ukoll impjegati tal-Malta Freeport Terminals Ltd u membri tas-sigurtà tal-Malta Freeport Corporation.