44 applikazzjoni għal Pensjoni ta’ diżabiltà

Preżentament hemm 44 applikazzjoni pendenti biex persuni jingħataw pensjoni ta’ diżabiltà.
Dan qalu l-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonniċi.
Farrugia spjega li t-talbiet pendenti jinkludu 24 applikazzjoni minħabba diżabilità severa, 17-il applikazzjoni minħabba diżabilità intellettwali u tlett applikazzjonijiet minħabba vista batuta.
Huwa qal li n-numru huwa għola minn snin preċedenti minħabba li llum, persuna tista’ taħdem u tibqa’ tirċievi l-pensjoni tad-diżabilità.
Bħala medja applikazzjoni ttul erba’ ġimgħat biex tkun deċiża. L-iktar applikazzjoni li ilha pendenti tmur lura għat-12 ta’ Jannar 2015 minħabba investigazzjoni li qed issir dwar pensjoni separata li allegatament tħallset żejjed.
Intant, fi tweġiba separata, għall-mistoqsija tad-Deputat Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali qal li preżentament hemm 481 persuna b’diżabiltà li tattendi Ċentri ta’ Matul il-Jum.