​430g droga “għand it-tfal”; żagħżugħ joħroġ jolfoq mill-awla

Żagħżugħ ta’ 17-il sena mill-Furjana ħareġ jolfoq mill-awla tal-Qorti, hekk kif il-Maġistrat Joe Mifsud ordna li hu u żagħżugħa ta’ 20 sena mill-Belt Valletta jinżammu arrestati.
Dan wara li l-Pulizija sabet mal-430 gramma droga fil-pussess tagħhom.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti, li meta l-Pulizija waqqfet liż-żewġ żgħażagħ, sabet “ammont konsiderevoli” ta’ kannabis fil-basket tal-mara u aktar minn tfittxija f’dar.
Iż-żewġ żgħażagħ ġew akkużati b’pussess ta’ kannabis, biż-żagħżugħ jiġi mixli wkoll bi traffikar.
It-tnejn li huma, li qalu li ma jaħdmux, wieġbu mhux ħatja.
Madanakollu t-talba għal ħelsien mill-arrest ġiet irrifjutata.
Il-Maġistrat Mifsud qal li ż-żagħżugħ se jinżamm fil-ħabs tal-minuri fl-Imtaħleb “għall-arja friska”.
Saħaq li jekk 450 gramma droga għand it-tfal ma tallarmax pajjiż, jeħtieġ li ssir xi ħaġa. Insista li l-ġudikatura m’għandhiex titħalla waħedha biex titratta s-sitwazzjoni u li l-forzi kollha tal-pajjiż għandhom jingħaqdu għall-istess għan.