43 student li għebu fil-Messiku tliet snin ilu ħadd ma jaf x’sar minnhom

Tliet snin ilu, 43 student mill-Kulleġġ tal-Għalliema ta’ Ayotzinapa fil-Messiku, għebu waqt li kienu kienu sejrin lejn Mexico City biex jipparteċipaw f’mixja li tfakkar massakru minn studenti li kien seħħ fl-1968, sparixxew huma wkoll u sal-lum ħadd ma jaf x’sar minnhom b’ċertezza.
Għalhekk, il-ġimgħa li għaddiet, Mons. Leopoldo Gonzalez, l-Arċisqof ta’ Acapulco għamel konferenza tal-aħbarijiet biex ifakkar dan l-anniversarju iswed u appella lill-awtoritajiet Messikani biex jaħdmu ħalli jsolvu dan il-każ. Huwa qal li “dan il-każ pjetuż għadu ferita fuq il-pajjiż u għandu jsir kull sforz biex tinstab il-verita’”.
Kien il-lejl tas-26 ta’ Settembru 2014 meta dawn l-istudenti qabdu karrozza tal-linja biex imorru f’Mexico City biex ifakkaru massakru li kien sar fuq studenti fl-1968.  L-istudenti sfaw attakkati mill-pulizija u nqatlu sitt persuni fosthom niex li kienu qed jaraw il-marċ. Meta l-istudenti ppruvaw jaħarbu mill-attakk tal-pulizija, 43 minnhom għebu u sal-lum għadu ħadd ma jaf x’sar minnhom. Fil-maġġoranza tagħhom dawn l-istudenti kienu nsara.
Il-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet Umani u l-familji ta’ dawn l-istudenti għamlu pressjoni kbira fuq il-Gvern Messikan biex iqabbad grupp ta’ esperti biex jinvestigaw il-każ.
Dawn l-esperti għamlu żewġ investigazzjonijiet estensivi u indikaw il-parteċipazzjoni tal-pulizija lokali u federali kif ukoll il-militar, li wettqu l-attakk fuq l-istudenti u li kienu responsabbli għall-għajbien ta’ dawn it-43 ġuvnott.  Din l-investigazzjoni saret is-sena li għaddiet iżda sal-lum il-każ għadu wieqaf għax il-Gvern mhux qed jaċċetta ċerti konklużjonijiet tar-rapport tal-esperti.
Il-Gvern Messikani isostni li dawn l-istudenti inħarqu ħajjin f’miżbla fi Guerrero, belt f’Acapulco. Iżda mill-investigazzjonijiet li saru, il-fdalijiet ta’ student wieħed biss instab fl-imsemmija miżbla.  Tliet snin wara l-għibien ta’ dawn l-istudenti, il-familji tagħhom qed jitolbu lill-Gvern biex jinvestiga provi u motivi ġodda li tressqu, fosthom il-possibilta’ li l-karrozza tal-linja li fuqha kienu qed jivajaġġaw l-istudenti kienet qed titrasporta d-droga lejn il-fruntiera Amerikana.
L-Isqof ta’ Acapulco qal fil-konferenza tal-aħbarijiet li dan hu każ ieħor li juri kif l-insara u l-kattoliċi fil-Messiku ikollhom jgħaddu minn bosta perikli minħabba l-fidi tagħhom.