43 sena mill-qtil ta’ Karin Grech

Aġġornat 03:59 PM

Bernard Grech isellem il-memorja ta’ kuġintu

Illum huwa t-43 sena anniversarju mill-mewt ta’ Karin Grech. Il-Kap tal-Opppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sellem il-memorja tagħha f’kitba fuq Facebook.

Karin Grech hija l-kuġina tiegħu u semma kif dan il-qtil jibqa’ tebgħa fuq l-istorka politika riċenti tal-gżejjer Maltin kif ukoll ġerħa fuq il-familja. Żied li huwa jibqa’ jittama li tkun magħrufa l-verità kollha dwar dan id-delitt u għad jasal il-jum meta jissolva.

Karin Grech kienet inqatlet permezz ta’ ittra bomba u sal-lum il-każ tagħha għadu ma ġiex solvut.

Grech inqatlet fl-età ta’ 15-il sena u dan ġara wara li ġabret ittra li kienet indirizzata lil missierha t-tabib Edwin Grech. L-ittra splodiet f’idejha u kienet fil-preżenza ta’ ħuha meta sabet l-ittra li tpoġġiet ġo kaxxa miksija bil-karta tal-Milied.

Karin Grech kienet ittieħdet l-Isptar San Luqa iżda mietet nofs siegħa wara. Dan il-każ ġie meqjus bħala l-ewwel attakk terroristiku f’Malta.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan il-kapitlu ikrah fl-istorja tal-gżejjer Maltin jista’ jingħalaq biss meta jissolva dan id-delitt u kull delitt politiku ieħor.

Huwa appella lill-Kummissarju tal-Pulizija biex minkejja li għadda ż-żmien jagħmel dak kollu possibbli biex isolvi anke dawn id-delitti politiċi.

Kompla li huwa se jibqa’ determinat li jkompli jistinka biex titnaddaf il-politika Maltija u jagħti sehmu biex il-politika tkun għodda ta’ kif jinħoloq il-ġid u jitqassam b’mod ġust.

Grech saħaq li huwa importanti li tkompli titwieħed politika matura li ma tħalli lil ħadd jipprova jinqeda bi qtil biex jipprova jattakka partit jew ieħor, jew biex jattakka politiku jew ieħor. Enfasizza li ħadd ma kellu, u ħadd ma għandu jinqatel minħabba l-politika, kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi u kien min kien il-vittma. “Kull ħajja hija prezzjuża u għandna nissieltu għaliha u jekk tintilef għandna lkoll ningħaqdu biex nagħmlu ġustizzja magħha. Strieħ fis-sliem għażiża Karin,“ temm Grech.

Pajjiż mingħajr memorja huwa pajjiż miskin – ADPD

“Is-swaba baqgħu persistenti tul is-snin jippuntaw u jixlu lil tan-naħa l-oħra.  Hekk ġara fil-każ ta’ Raymond Caruana.  Hekk ġara fil-każ ta’ Karin Grech.  Dik martri tagħna u dak il-martri tagħkom.  L-alleanzi politiċi dallmu r-raġuni, aljenaw, u żammew il-verita` milli titla’ f’wiċċ l-ilma.  U l-verita` għadna ma nafuhiex.  U l-ġustizzja tibqa’ ma tistax issir,” hekk qal id-Deputat Chairperson tal-ADPD Mario Mallia f’diskors kommemorattiv wara li llum iċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo poġġa bukkett fjuri fuq il-monument ta’ Karin Grech f’San Ġwann.

L-ADPD qal li dmirna llum imur lilhinn minn tifkira ta’ dan il-qtil brutali.  Imur lilhinn saħansitra minn għajta biex il-qattiel/a jitressqu quddiem il-ġustizzja. “Irid ikun memorja ħajja.  Irid ikun riflessjoni. Responsabbilta` kollettiva.  Inkella, t-tifkira tibqa’ sempliċi ċerimonja.  Inkella, Karin Grech tibqa’ tinqatel kuljum.”

Ingħad wkoll li llum ftit nesponu lit-tfal tagħna għall-istorja ta’ pajjiżna u għall-istorja riċenti.  Id-deputat Chairperson tal-ADPD qali li nibżgħu minn edukazzjoni kritika, ma jmorrux ipinġuna partiġjani u li ħallejniha għal edukaturi senstitizzati flok għaġġinniha sistematikament fil-qafas edukattiv.  “Ħasra,” qal Mallia filwaqt li sġejga kif l-irwol tal-edukazzjoni huwa li ddawwal, mhux li tħalli kollox kif inhu.  

Fid-diskors tiegħu semma’ kif it-traġedja hi li mill-istorja ma tgħallimniex, gerrbu s-snin, u l-istorja tat-tribaliżmu li jdallam kompliet tirrepeti ruħha.