43 immigrant fil-periklu qrib Malta – Alarm Phone

Tappella lill-awtoritajiet isalvawhom għax ġejja maltempata

SeaWatch

Read in English.

L-għaqda Alarm Phone qalet li 43 immigrant jinsabu fil-periklu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija. Hija appellat lill-awtoritajiet Maltin isalvawhom peress li ġejja maltempata.

Fuq Twitter fis-1.21am, Alarm Phone qalet li tilfet kuntatt ma’ dawn il-persuni. Hija inkwetata minħabba l-mewġ għoli fil-Baħar Mediterran billi hija mistennija tagħmel maltempata.

Lill-għaqda, l-awtoritajiet Taljani qalulha li mhix responsabbiltà tagħhom, filwaqt li l-Forzi Armati ta’ Malta ma kinux wiġbuha, u lanqas il-Gwardja tal-Kosta Libjana. Hija appellat lill-awtoritajiet biex ma jħalluhomx jegħrqu.

Intant, Neville Gafà, li sa ftit ilu kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li hu qrib Keith Schembri, wieġeb l-appell ta’ Alarm Phone fuq Twitter u uża kliem il-Prim Ministru Robert Abela, li Malta hija “full up.”

Ftit tal-jiem ilu, Gafà kien wieħed mill-mistednin fuq il-programm ippreżentat minn Fr Joe Borg fuq 103 Malta’s Heart, propju fuq dan is-suġġett. Fil-programm huwa qal li ċ-ċentri miftuħa u ċ-ċentri tad-detenzjoni mimlija u ma jistgħux iżommu aktar nies.

Qal ukoll li r-ripatrijazzjoni mhux soluzzjoni, għax l-Unjoni Ewropea mhix tagħti l-appoġġ meħtieġ.