42 sena miżżewġin

Awguri lill-attriċi Anna Cachia li llum flimkien ma’ żewġha Robert qed tiċċelebra it-42 anniversarju mindu wegħdu mħabbithom lil xulxin.

Anna, li dan l-aħħar konna qed narawha fir-ripetizzjonijiet tas-sensiela Issa Naraw, kienet iltaqgħet ma’ Robert fl-1975 meta kienu jattendu s-Sixth Form fil-Belt Valletta.

Bħal-lum il-15 ta’ Lulju tal-1978, huma żżewġu fil-knisja parrokjali ta’ Ħ’Attard u wara ċċelebraw dan l-avveniment fil-ġnien tal-ġenituri ta’ Anna f’Ħ’Attard stess.

Fl-ewwel snin bħala koppja miżżewġa, Anna u Robert komplew l-istudji tagħhom. Robert studja għal Perit fl-Università ta’ Malta filwaqt li Anna fil-Manoel Theatre Academy for Dramatic Arts fejn kienet qed titħarreġ biex tkun attriċi.

Anna Cachia f’Issa Naraw

Bħala attriċi, lil Anna Cachia niftakruha f’sensiliet bħal Aħna Aħna Jew M’Aħniex, Issa Naraw, Ġejna Koppji, Tlaqna!, Villa Sunset, Ipokriti, Sptar San Valentino, Miskin Mike u Dejjem Tiegħek Becky.

Hija ħadmet f’diversi produzzjonijiet barrannin li nħadmu f’pajjiżna fosthom By The Sea, The Da Vinci Code, Daniel Deronda, Burning Shore, Swept Away, Christopher Columbus: The Discovery, Remmingto Steele, Carabinieri, Alessio, Caeser, Final Justice u Trenchcoat.

Robert u Anna kellhom karriera twila mimlija sodisfazzjonijiet. L-imħabba li għadhom għas-safar, għall-kotba u għar-restawr ta’ djar antiki huma t-tlett passjonijiet ewlenin ta’ ħajjithom.

Nawguraw l-isbaħ xewqat lil Robert u lil Anna f’okkażjoni tal-anniversarju taż-żwieġ tagħhom.