42 sena mit-twelid ta’ Joseph Calleja

Ritratt: DECCA

Fost il-personalitajiet li llum qed jiċċelebraw għeluq sninhom insibu t-tenur Joseph Calleja. Illum jaħbat għeluq it-42 sena tiegħu. Twieled bħal-lum fl-1978. Calleja huwa wkoll missier ta’ żewġ ulied, Clara u Xandru.

Joseph Calleja beda l-karriera tiegħu fl-età ta’ 16-il sena wara li kien skoprieh it-tenur Brian Cefai u wara kompla l-istudji tiegħu ma’ Paul Asciak. Madwar tlett snin wara ddebutta bħala Macduff fl-opra Macbeth ta’ Verdi li kienet ittellgħet fit-teatru Astra ta’ Għawdex.

Calleja semma’ l-vuċi tiegħi f’uħud mill-aqwa teatri madwar id-dinja u fost l-aħħar xogħlijiet li ħa sehem fihom fl-aħħar snin insibu Tosca, Norma, Faust, Macbeth u Mefistofole.

Kien ukoll interpreta lil Enrico Caruso fil-film The Immigrant ta’ James Gray fl-2013. Dan il-film kellu fost il-protagonisti lil Joaquin Phoenix u Marion Cotillard.

Matul ix-xhur li ġejjin Calleja se jkun impenjat fuq diversi opri.

Fil-25 u fil-31 ta’ Jannar se jkun fi Dresden fil-Ġermanja għal La bohème ta’ Puccini.

Matul Frar imbagħad se jkun fi Munich fil-Ġermanja għall-opra Tosca, ukoll ta’ Puccini.

Fit-3 ta’ Marzu se jkun fil-Palladium ta’ Londra għall-kunċert tal-BBC Concert Orchestra.

F’April se jkun fi New York, fl-Istati Uniti, fejn f’diversi ġranet se jkun qed jagħti s-sehem tiegħu f’Simon Boccanegra, opra ta’ Verdi.

Joseph Calleja f’Tosca ta’ Puccini

Bejn l-aħħar ta’ April u l-bidu ta’ Mejju Joseph Calleja se jkun fil-Metropolitan Opera ta’ New York għal La bohème ta’ Puccini.

F’Ġunju u Lulju mbagħad se jkun fil-Grange Park Opera tar-Renju Unit għal La Gioconda ta’ Ponchielli.

F’nofs Lulju se jkun lura fi Dresden fil-Ġermanja għall-kunċert Opera Arias.

Ad multos annos!