42 sena mill-qtil ta’ Karin Grech

Aġġornat 01:47 PM

Read in English.

Karin Grech inqatlet bħal-lum 42 sena ilu, jiġifieri fit-28 ta’ Diċembru tal-1977 permezz ta’ ittra bomba. Sal-lum il-ġurnata, il-każ tagħha għadu ma ġiex solvut.

Meta nqatlet, it-tifla kellha biss 15-il sena. Dan ġara wara li hi ġabret ittra li kienet indirizzata lil missierha t-tabib Edwin Grech. L-ittra splodiet f’idejha. Karin kienet fil-preżenza ta’ ħuha meta sabet l-ittra, li kienet tpoġġiet ġo kaxxa miksija b’karta tal-Milied. Kienet fetħitha hekk kif ħasbet li rċeviet rigal.

Hi kienet ittieħdet l-Isptar San Luqa iżda mietet madwar nofs siegħa wara. Il-każ tagħha kien ġie meqjus bħala l-ewwel attakk terroristiku f’Malta.

X’kien qed jagħmel it-tabib Grech?

It-tabib Edwin Grech dak iż-żmien kien il-Kap tad-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija fl-istess sptar fejn mietet bintu. Dik is-sena, minkejja li t-tobba f’Malta kienu qegħdin fuq azzjoni industrijali, Grech kien baqa’ għaddej b’xogħolu fi sptar ġewwa r-Renju Unit. Ftit wara kien intalab mill-Gvern sabiex jiġi jaħdem f’Malta bħala Kap tad-Dipartiment sakemm tintemm l-azzjoni industrijali. B’hekk hu deher li qed jikser l-istrajk tat-tobba.

Meta ntbagħtet il-bomba d-dar tat-tabib, bomba oħra kienet intbagħtet lil tabib ieħor u Membru Parlamentari Laburista ta’ dak iż-żmien, Paul Chetcuti Caruana. Din iżda kienet falliet milli tisplodi.

Il-PL ifakkar lil Karin Grech

L-amministrazzjoni tal-Partit Laburista tat ġieħ lill-Karin Grech fuq il-mafkar tagħha f’San Ġwann. Il-President tal-partit, Daniel Micallef, sostna li “din il-ferita għadha miftuħa beraħ sal-lum. Il-Partit Laburista jfakkar din il-ferita darba f’sena iżda l-familja tagħha tgħix din il-ferita kuljum.”

Hu qal li jittama li ssir ġustizzja f’dan il-każ, bħal fil-każijiet kollha simili. Emfasizza li dan mhux iż-żmien li fih wieħed iġelled ferita ma’ oħra, iżda li l-poplu jisħaq għall-ġustizzja f’kull każ, sabiex il-feriti jibdew jingħalqu.

Bosta jfakkruha f’dan il-jum

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li Karin Grech qatt ma hi se tintesa’ fil-ġlieda għall-ġustizzja.

On 28 December 1977, Karin Grech was murdered by a letter-bomb addressed to her father which was cruelly disguised in…

Posted by Roberta Metsola on Friday, December 27, 2019

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici sostna li l-freita tal-familja Grech għadha miftuħa beraħ hekk kif il-każ għadu ma ssolvhiex.

Bhal-lum fl-1977, Karin Grech kienet inqatlet brutalment.Il-kaz sal-lum ghadu ma ssolviex. Min qatilha ghadu jigri…

Posted by Owen Bonnici on Friday, December 27, 2019

Il-Ministru Evarist Bartolo ddedika l-messaġġ tal-bieraħ ta’ Facebook għal Karin Grech. Huwa kkwota lill-Arċisqof Mikiel Gonzi li qaddes għall-funeral tagħha, li sejjaħ il-qtil tagħha, bħala “l-ewwel att terroristiku fil-pajjiż”.

Intant, il-Membru Parlamentari Karol Aquilina qal li Karen Grech hija vittma innoċenti tal-intolleranza ta’ dawk fostna li jaħsbu li bil-vjolenza jistgħu joħorġu rebbieħa.

Bħal illum 42 sena ilu, inqatlet inġustament Karen Grech, tfajla ta’ 15-il sena, bint il-Professur Edwin Grech. Karen…

Posted by Karol Aquilina on Friday, December 27, 2019

“Kundanna bla riżerva għall-mibgħeda u vjolenza” – PD

Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku kkundanna bla riservi kull forma u espressjoni ta’ mibegħda u vjolenza u sostna li m’ghandhom qatt u f’kwalunkwe sitwazzjoni ebda ġustifikazzjoni. Il-PD fakkar f’dawk kollha li sfaw vittmi ta’ diskriminazzjoni, attakki u saħansitra li ħalsu b’ħajjithom minħabba il-politika, r-reliġjon, ir-razza, l-klassi, s-sess jew il-prinċipji tagħhom.

Il-PD insista fuq l-importanza assoluta tal-eżerċizzju tas-saltna tad-dritt minn kullħadd, inkluż mill-istituzzjonijiet u kull persuna impjegata mill-istat. Temm jgħid li r-risponsabbiltà għall-pajjiż hi ta’ kulħadd.

L-AD b’bukkett fjuri quddiem il-monument ta’ Karin Grech

Intant, l-Alternattiva Demokratika mmexxija miċ-Chairperson il-Perit Carmel Cacopardo, illum fakkret it-42 sena mill-qtil ta’ Karin Grech billi tpoġġa bukkett fjuri quddiem il-monument tagħha f’San Ġwann. Fil-konferenza stampa fuq il-post qabel it-tqegħid tal-fjuri, Carmel Cacopardo qal li l-qtil ta’ Karin Grech (1977) flimkien ma’ dak ta’ Raymond Caruana (1986), u ta’ Lino Cauchi (1982), għadhom ma ssolvewx wara għexieren ta’ snin. Dan ifisser li għadha ma saritx ġustizzja mal-vittmi u mal-familji tagħhom.

Cacopardo tenna s-solidarjetà dejjiema mal-familja ta’ Karin Grech u sostna l-bżonn li dan l-episodju mdemmi fl-istorja ta’ pajjiżna ma jappartjenix lil parti biss mill-poplu Malti imma jkun tal-pajjiż kollu. “Hemm bżonn sinjali ċari u sostnuti minn kulħadd li pajjiżna huwa kontra l-vjolenza tigi minn fejn tiġi u tolqot lil min tolqot”, temm jgħid Cacopardo.

“Karin Grech kienet vittma tal-mibgħeda” – PN

Il-Partit Nazzjonalista wkoll jsellem il-memorja ta’ Karin Grech u sostna li hija vittma innoċenti tal-mibgħeda u l-intolleranza ta’ dawk li jaħsbu li bil-vjolenza jistgħu jieħdu dak li jridu u vittma ta’ sens ta’ impunità li kien qed jaħkem il-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista baqa’ jesiġi verità u ġustizzja dwar dan il-każ filwaqt li esprima x-xewqa li l-poplu Malti jibqa’ jiftakar u jitgħallem minn dan l-episodju mudlam ta’ pajjiżna sabiex ma jerġax jgħaddi minnu.