42 minn 334 ħanut max-xatt tal-Gżira u Tas-Sliema huma aċċessibbli

Miguela Xuereb

42 ħanut minn total ta’ 334 ħanut fuq ix-xatt tal-Gżira u Tas-Sliema huma fiżikament aċċessibbli. Dan skont rapport maħruġ mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD).

Fi stqarrija, l-Kummissjoni spjegat li wettqet għadd ta’ spezzjonijiet wara lmenti li waslulha dwar l-aċċessibilità fiżika. L-ispezzjonijiet saru bejn Novembru tas-sena l-oħra u April ta’ din is-sena.

Sar magħruf li 292 ħanut mhumiex konformi mal-Linji Gwida tad-Disinn tal-Aċċess għal Kulħadd tal-2011. Ir-rapport jgħid ukoll li minn dawn, 15-il ħanut joffru alternattiva filwaqt li fil-każ ta’ 18-il ħanut ieħor kienu għaddejjin xogħlijiet fil-ħin tal-ispezzjonijiet.

Ħarsa aktar mill-qrib turi l-figuri

  • 187 ħanut jeħtieġu biss l-istallazzjoni ta’ rampa temporanja biex isiru aċċessibbli.
  • 55 jeħtieġu l-implimentazzjoni ta’ xogħlijiet minuri bħal alterazzjonijiet fil-bieb prinċipali.
  • 11 jirrikjedu xogħlijiet kbar bħall-istallazzjoni ta’ lift tal-passiġġieri.

Ir-rapport isegwi wieħed simili li sar is-sena l-oħra fil-Belt Valletta, li ħareġ stampa simili. Spezzjonijiet fil-post imwettqa fi Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti bejn Ġunju u Lulju tas-sena li għaddiet urew li, minn total ta’ 375 ħanut kummerċjali, 31 ħanut biss jikkonformaw mal-AADG 2011 filwaqt li 344 ħanut ma kinux. Minn dawn, 278 ħanut jeħtieġu biss l-istallazzjoni ta’ rampa temporanja filwaqt li 32 jeħtieġu l-implimentazzjoni ta’ xogħlijiet minuri u 9 jeħtieġu xogħlijiet kbar.

Hemm 19,261 persuni b’diżabilità reġistrati mal-Kummissjoni u 14,827 minn dawn għandhom nuqqas fiżiku.