42 klijent tal-Maltese Cross jitolbu lill-MFSA tħallas għad-danni

42 klijent tal-Maltese Cross Financial Services Ltd fetħu protest ġudizzjarju kontra l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), fejn qed iżommha responsabbli għat-telf li ġarrbu.
Il-klijenti qed jgħidu li l-awtorità naqset li tagħmel il-verifiki meħtieġa fl-aħħar seba’ snin, u b’hekk ma setgħetx tinduna bis-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija.  Dan bil-konsegwenza li huma tilfu l-investimenti tagħhom.
Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, il-klijenti qed jitolbu li mingħajr aktar dewmien jingħataw  il-ħlas tad-danni wara li l-kumpanija ġiet iddikjarata falluta.
Talbu wkoll lill-MFSA biex tgħaddilhom l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li ilhom jitolbu, fosthom dawk dwar is-sitwazzjoni tal-Maltese Cross bejn l-2007 u l-2013.