416-il telefonata għas-Servizz Dementia Helpline

Is-Servizz Dementia Helpline irċieva 416-il telefonata bejn l-1 ta’ Jannar u t-3 ta’ Lulju ta’ din is-sena. Dan qalu l-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon hu u jwieġeb mistoqsija Parlamentari Tad-Deputat Hermann Schiavone.

Il-Ministru Falzon qal li l-medja ta’ telefonati li rċeviet il-linja fil-perjodu msemmi tammonta għal 2.3 telefonati kuljum. Qal li l-maġġoranza assoluta tat-telefonati, jiġifieri 79.1%, saru sabiex wieħed jikseb xi tip ta’ informazzjoni li tvarja minn informazzjoni dwar il-kundizzjoni ġenerali, pariri dwar kif wieħed għandu jieħu ħsieb jew iġib ruħu ma’ persuna li qiegħda tgħix bil-kundizzjoni tad-dimensja, kif ukoll dwar servizzi provduti mill-gvern għall-persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja u li għadhom jgħixu fil-komunità.

Il-Ministru qal li fejn jidħlu telefonati kkunsidrati bħala emerġenza, fl-2019 il-helpline tad-dimensja rċeviet total ta’ erba’ telefonati.