411 proċedura tal-IVF fi 30 xahar

Fl-aħħar sentejn saru 411 proċedura tal-IVF f’Malta, b’rata ta’ suċċess globali ta’ 28%.
Bejn Jannar tal-2013 u Ġunju tal-2015 irriżultaw 116-il tqala vijabblli minn dawn iċ-ċikli.
81 minnhom saru fil-klinika ġdida tal-IVF fl-Mater Dei, li ilha topera minn Jannar ta’ din is-sena.
Fi stqarrija, is-segretarjat parlamentari għas-saħħa qal li issa l-Gvern qed iħares biex jevalwa l-leġislazzjoni tal-IVF li tinvolvi setturi varji tal-komunità Maltija.
Ġie stabbilit Kumitat ta’ Ħidma Inter-Ministerjali biex jirrevedi l-IVF, magħmul minn professjonisti mill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Il-kumitat qed jistieden lill-pubbliku biex jibgħat suġġerimenti bħala parti mill-evalwazzjoni tal-qafas legali tal-IVF fuq ivf-evaluation@gov.mt sal-10 t’Awwissu.