41 tifel u tifla għadhom jaffaċċjaw deportazzjoni; petizzjoni għand l-UE

Read in English.

Għadd ta’ ġenituri bagħtu petizzjoni għand il-Kummissjoni Ewropea biex jitolbuha tinvestiga allegat ksur ta’ direttiva tal-Unjoni Ewropea, billi hemm ċans li 41 tifel u tifla jintbagħtu lura f’pajjiżhom għax il-ġenituri tagħhom, li joqogħdu Malta, ma jilħqux il-kwota fil-paga tagħhom.

It-tfal qed jaffaċċjaw deportazzjoni għaliex il-ġenituri tagħhom, li huma barranin li jgħixu f’Malta, ma jissodisfawx il-kriterji ta’ policy li tgħid li għandhom jaqilgħu €19,000 fis-sena flimkien ma’ €3,800 għal kull wild.

F’Diċembru li għadda, Newsbook.com.mt kien beda petizzjoni sabiex dawn it-tfal ma jiġux deportati, li ġabret mat-3,000 firma. L-Arċisqof Charles Scicluna wkoll kien issieħeb f’dan l-appell.

Issa, il-ġenituri huma mħassbin billi t-tfal għadhom qegħdin jaffaċċjaw dan ir-riskju, disa’ xhur wara. Wieħed mill-persuni li qed iħeġġeġ lin-nies jiffirmaw il-petizzjoni qal li l-ġenituri ta’ dawn l-ulied mhux karità għandhom bżonn, imma firem fil-petizzjoni sabiex issir ġustizzja magħhom u jingħaqdu ma’ wliedhom.

Il-petizzjoni li ntbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea titlobha tinvestiga jekk Malta hijiex tikser id-direttiva 2003/86 EC, li tgħid li “Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun ssottomessa, l-Istat Membru konċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xhieda li l-isponsor għandu: (ċ) riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru konċernat. Stati Membri għandhom jistmaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarità tagħhom u jistgħu jqisu il-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u pensjonijiet kif ukoll in-numru ta’ membri tal-familja.”

Il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet il-validità tal-petizzjoni u issa tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet preliminari tagħha fuq il-każ.

Tista’ tiffirma l-petizzjoni minn hawn.