41 spiżjara tal-isptar f’Malta – rapport

Rapport maħruġ mill-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Ispiżjara tal-Isptar juri li f’Malta hawn 41 spiżjara tal-isptar u 4 spiżeriji ta’ din ix-xorta.

L-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Ispiżjara tal-Isptar (EAHP) hija għaqda mhux governattiva li tiddefendi lil iżjed minn 21,000 spiżjara tal-isptar madwar l-Ewropa, permezz tal-35 għaqda msieħba tagħha. L-għaqda ta’ Malta tissejjaħ l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ispiżjara tal-Isptar (MAHP), li tniżżlet bħala assoċjazzjoni professjonali fil-leġiżlatura Maltija uffiċjalment fl-2018. Dan ifisser li din l-assoċjazzjoni tirrappreżenta l-ispeċjalizzazzjoni ta’ spiżjara fl-isptar fuq il-Kumitat tal-Akkreditazzjoni tal-Ispiżjara Speċjalisti. Din l-assoċjazzjoni ssieħbet fl-assoċjazzjoni Ewropea fl-2013.

L-EAHP taħdem biex tiżviluppa l-għarfien fuq l-ispiżjara tal-isptar, sabiex ittejjeb il-kura li jingħataw il-pazjenti fl-isptar.

Fl-ewwel rapport annwali tagħha, l-EAHP elenkat l-attivitajiet li ħadmet fuqhom tul l-2018, ewlenija fosthom it-23 kungress tal-assoċjazzjoni, li sar fin-Norveġja, l-ewwel darba tiegħu f’pajjiż Skandinavu.

L-assoċjazzjoni ħadmet ukoll fuq 2 seminars, li s-suġġett tagħhom kien: kif tista’ titjieb is-sitwazzjoni meta jkun hemm nuqqas ta’ mediċini, u monitoraġġ tad-droga terapewtika, rispettivament.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ minn hawn.