41 każ ta’ vjolenza domestika f’4 lokalitajiet fl-2019

Fl-2019, kien hemm 41 każ ta’ vjolenza domestika fiż-Żejtun, f’Marsaxlokk, f’Ħal Għaxaq u f’Birżebbuġa.

L-iżjed lokalità minn dawn l-erbgħa li kellha każijiet kienet iż-Żejtun, b’19-il każ. Warajha kien hemm Birżebbuġa bi 13-il każ u Ħal Għaxaq bi tmien każijiet. F’Marsaxlokk kien hemm każ wieħed biss.

F’Marsaskala ma kien hemm l-ebda każ ta’ vjolenza domestika fl-2019 li dwaru tressqu nies il-qorti. Madankollu, minn dawn il-ħames lokalitajiet, Marsaskala kien l-iżjed magħruf għall-ġlied is-sena li għaddiet, peress li ġew irrappurtati 76 ġlieda, li laħqu l-qofol tagħhom f’Lulju bi 28 ġlieda.

Iż-Żejtun kien hemm 49 ġlieda, Birżebbuġa u Ħal Għaxaq 28 u 24 ġlieda rispettivament. L-inqas ġlied li kien hemm kien f’Marsaxlokk, b’total ta’ 14-il ġlieda.

It-total ta’ ġlied f’dawn il-ħames lokalitajiet kien 191.

Din l-informazzjoni ġiet preżentata fil-Parlament mill-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri bi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone. Camilleri qal li l-istatistika għal Jannar tal-2020 għadha qed tinġabar.

Is-suġġett tal-vjolenza domestika ġie diskuss ħafna din il-ġimgħa, wara li nhar il-Ħadd inqatlet Chantelle Chetcuti, mara ta’ 34 sena, mill-eks sieħeb tagħha ta’ 33 sena, f’Ħaż-Żabbar. Ħareġ illi fl-2013, Chetcuti kienet għamlet rapport lill-pulizija dwar vjolenza domestika.