Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li fl-2018, fl-Unjoni Ewropea kien hemm 23,400 persuna li mietu f’inċidenti tat-traffiku. Fl-2019 f’Malta seħħu 15,173 inċident tat-traffiku; li jissarfu f’ 41 inċident kull jum jew inċident kull siegħa u tliet kwarti. Huwa ppropona fil-parlament li l-Gvern jagħmilha mira tiegħu li jnaqqas l-imwiet mit-toroq Maltin.
Meta kien qed jitkellem fid-diskussjoni dwar l-abbozz tal-liġi li jemenda l-Att dwar il-Kummissarji għall-Ġustizzja, Fenech Adami spjega li l-proposta tiegħu hi msejsa fuq il-mudell Żvediż li wara kampanja edukattiva u sforzi min-naħa tal-Gvern l-imwiet mit-traffiku naqsu b’60%.
Huwa qal li f’Malta hawn madwar 10 black spots tat-traffiku fejn iseħħu l-aktar imwiet u allura għandna ssir analiżi tal-postijiet li fihom isiru l-inċidenti tat-traffiku biex ikun stabbilit jekk hemmx raġuni għaliex isiru l-inċidenti f’dawn il-postijiet.
Huwa qal li l-Covid bidlet id-dinja u ħalliet impatt fuq it-traffiku tant li bejn Jannar u Marzu kien hemm tnaqqis ta’8% fuq l-istess perjodu tal-2019, u fl-eqqel tal-pandemija kien saħansitra tnaqqis ta’ 40% waqt li fl-aħħar kwart wara li l-poplu reġa’ lura għar-rutina kien hemm nuqqas ta’ 24% fl-inċidenti.
Fenech Adami qal li fl-aħħar 10 snin f’Malta mietu 167 persuna, medja ta’ persuna kull tliet ġimgħat.
Sena | Imwiet |
2010 | 15 |
2011 | 17 |
2012 | 9 |
2013 | 18 |
2014 | 10 |
2015 | 11 |
2016 | 23 |
2017 | 19 |
2018 | 18 |
2019 | 16 |
2020 | 11 (fl-ewwel 9 xhur tas-sena) |
Total | 165 |