41.5% jivvutaw fil-Venezwela; l-Oppożizzjoni ma tirrikonoxxix il-vot

41.5% tal-votanti eleġibbli fil-Venezwela fil-fatt ħarġu jivvutaw ilbieraħ waqt l-elezzjoni għal assemblea ġdida.
Dan ifisser li ftit aktar minn 8 miljun persuna eżerċitaw id-dritt tagħhom, meta fil-pajjiż hemm madwar 19.5 miljun votant reġistrat.
Din iċ-ċifra ħabbritha l-kummissjoni elettorali Venezwelana waqt konferenza tal-aħbarijiet.
L-Oppożizzjoni, iddikjarat li mhix se taċċetta l-vot ta’ lbieraħ, u ħeġġet lin-nies jinżlu jipprotestaw fit-triq. Sadanittant, iċ-ċifra li ħarġet biha l-Oppożizzjoni hija ta’ 12% li ħarġu jivvutaw, kwart taċ-ċifra tal-Gvern.
Il-Venezewela ilha għaddejja sa minn April bi protesti kontra l-President Nicolas Maduro, b’aktar minn 100 persuna jħallu ħajjithom.
L-aħħar vittmi kienu fil-fatt ilbieraħ stess waqt l-elezzjoni. Kandidat għall-elezzjoni u attivist mill-Oppożizzjoni, kif ukoll żewġt irġiel oħra nqatlu waqt protesti.
Ġimagħtejn ilu, l-Oppożizzjoni organizzat elezzjoni mhux uffiċjali, li għaliha ħarġu jivvutaw kważi 7 miljun persuna, b’98% minnhom kontra r-riformi proposti tal-Gvern ta’ Maduro.
Dawn ir-riformi jinkludu, fost oħrajn, bdil fil-Kostituzzjoni tali mod li jkollha aktar poter mill-Kungress li huwa mmexxi mill-Oppożizzjoni.
Filwaqt li Maduro jisħaq li din hi meħtieġa sabiex terġa’ tirrenja l-paċi fil-pajjiż, l-Oppożizzjoni targumenta li din mhi xejn ħlief mossa biex il-pajjiż jgħaddi għal dittatorjat.
Fir-ritratt: il-President Nicolas Maduro jivvota