40kg ħaxixa jiddaħħlu fil-Qorti qalb ir-rabja tal-Maġistrat

tunnellati kontejners kannabis

40kg kannabis dalgħodu daħlu fil-Qorti bħala evidenza f’każ kontra tlitt irġiel, u mlew kullimkien riħa ta’ ħaxixa.
Jidher li l-Maġistrat Neville Camilleri xejn ma ħa gost, u m akienx jaf li l-Pulizija se jdaħħlu magħhom bħala evidenza dak l-ammont kollu.
Il-każ idur mal-qabda ta’ ġimgaħtejn ilu, meta nstabu 39.5 kilogrammi ta’ ħaxixa tal-kannabis u madwar nofs kilo raża tal-kannabis. Magħhom instab li kellhom ukoll arma tan-nar u madwar €16,000 fi flus kontanti.
Fil-Qorti xehed l-Ispettur tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, Kevin Pulis, li spjega kif fit-22 ta’ Marzu l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm tlitt irġiel involuti f’attività illegali tad-droga, u l-Pulizija marret tosservahom f’dar l-Iklin.
Irrakkonta kif wieħed mill-irġel kien fid-dar, imbagħad wasal ieħor b’karozza u daħal fl-appartament. Imbagħad it-tieni raġel saq sa daru f’Santa Venera u minn hemm saq vann u reġa’ mar lura l-Iklin.
Iż-żewġt irġiel ġew osservati jgħabbu friża fil-vann, u t-tieni raġel saq biha sa Ta’ Qali, fejn ipparkja f’parkeġġ għal vetturi tat-tagħbija u ġabar kaxxa. Wara mar f’appartament ieħor il-Ħamrun, fejn l-ewwel raġel kien diġà ġie nnutat mill-Pulizija.
Ftit tal-minuti wara, karozza misjuqa mit-tielet raġel saqet qrib l-appartament tal-Ħamrun b’żewġ kaxex simili għal dik li kellu t-tieni raġel fil-vann. Huma t-tnejn ħattew il-friża.
Kien hawnhekk li l-Pulizija daħlu fl-appartament, u sabu l-materjal imsemmi.
Jidher li t-tielet raġel qal lill-Pulizija li ma kienx qed iħossu sewwa, u ġie kkurat f’ambulanza. It-tieni raġel ma kellux idea dwar x’kienet is-sustanza bajda li nstabet, filwaqt li stqarr li mar għand l-ewwel raġel biex jixtri l-kokaina.
Il-każ ikompli.